L-ISFIDA

“Kelli żewġt iħbieb li kienu jagħmlu l-affarijiet flimkien u lili ma kinux jgħiduli. Dejjem kont nismaʼ dwar kemm ħadu pjaċir. Darba ċempilt lil waħda minnhom meta l-oħra kienet hemm, u meta xi ħadd ieħor wieġeb, stajt nismaʼ lit-tnejn li huma jiċċaċċraw u jidħqu bejniethom mill-bogħod. Jien smajt biss kemm kienu qed jieħdu pjaċir, u dan ġegħelni nħoss iktar solitudni milli diġà kont qed inħoss!”—Maria. *

Qatt ħassejtek imwarrab u waħdek? Jekk inhu hekk, il-Bibbja fiha pariri li jistgħu jgħinuk. Iżda, l-ewwel, ikkunsidra xi affarijiet li għandek tkun taf dwar is-solitudni.

X’GĦANDEK TKUN TAF

Kważi kulħadd iħossu waħdu kultant. Dan jinkludi nies li jidhru li huma popolari. Għala? Għax spiss mhuwiex il-kwantità tal-ħbieb imma l-kwalità tal-ħbiberija li tiddetermina jekk persuna tħosshiex waħedha jew le. Xi ħadd li jidher li hu popolari jistaʼ jkun li jkun dejjem imdawwar bin-nies imma ma jkollux ħbieb veri, u b’hekk iħossu waħdu.

Is-solitudni tistaʼ tkun taʼ ħsara għal saħħtek. Ir-riċerkaturi li analizzaw ir-riżultati taʼ 148 studju waslu għall-konklużjoni li meta wieħed ikollu ftit li xejn kuntatt soċjali, dan jistaʼ jwassal għal mewt qabel iż-żmien, u bħala fattur taʼ riskju, jagħmel lilu nnifsu “d-doppju tal-ħsara li tagħmel l-obeżità” u “huwa ekwivalenti għal li jpejjep 15-il sigarett kuljum.”

Is-solitudni tistaʼ ddgħajfek emozzjonalment. Infatti, tistaʼ twassal għal li int taċċetta lil kull min jaċċetta lilek bħala ħabib. “Meta tħossok waħdek tistaʼ tkun iddisprat għall-attenzjoni,” jgħid raġel żagħżugħ jismu Alan. “Tistaʼ tibda taħseb li kwalunkwe attenzjoni hi aħjar minn l-ebda attenzjoni. U dan jistaʼ jġibek fl-inkwiet.”

It-teknoloġija mhux dejjem tfejjaq is-solitudni. “Nistaʼ nibgħat messaġġ jew e-mail lil mitt ruħ kuljum u xorta nħossni estremament waħdi,” tgħid mara żagħżugħa jisimha Natalie. Żagħżugħ jismu Tyler iħossu l-istess. Hu jgħid: “Meta tibgħat messaġġ tkun qisek qed tnaqqar, filwaqt li meta jkollok kuntatt wiċċ imb wiċċ tkun qisek qed tiekol ikla. Tieħu pjaċir tnaqqar, imma jkollok bżonn ikla sħiħa biex tixbaʼ.”

 DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Aħseb fit-tajjeb. Pereżempju, ejja ngħidu li tmur f’xi Websajt fejn tistaʼ taqsam ir-ritratti maʼ ħaddieħor u tara ritratti taʼ sħabek f’xi get together li għalih int ma kontx mistieden. Dak il-ħin għandek għażla—tistaʼ jew tasal għall-konklużjoni li ħallewk barra apposta jew inkella tistaʼ żżomm ħarsa iżjed pożittiva. Ladarba ma tistax tkun taf il-fatturi kollha involuti, għala għandek taħseb fil-ħażin? Minflok, agħmel sforz biex issib spjegazzjoni aħjar dwar għala tħallejt barra. Spiss, ma tkunx is-sitwazzjoni li twassal għal sentimenti taʼ solitudni imma l-ħarsa tiegħek.—Prinċipju Bibliku: Proverbji 15:15.

Evita li tagħmel stqarrijiet ġenerali. Meta tħossok waħdek, għandek mnejn taħseb, ‘Lili qatt ma jistidnuni mkien’ jew ‘Dejjem jevitawni lili.’ Meta tiġġeneralizza b’dan il-mod, tispiċċa iżjed u iżjed waħdek. Ħsibijiet bħal dawn jistgħu joħolqu ċiklu li jibqaʼ sejjer: Tħossok imwarrab, u dan iġiegħlek tinqataʼ għalik, u dan iwasslek għas-solitudni, u dan jagħmlek tħossok imwarrab.—Prinċipju Bibliku: Proverbji 18:1.

Kun lest li tagħmel ħbieb maʼ wħud ikbar minnek. Il-Bibbja tgħidilna dwar il-ħajja taʼ David, li aktarx kien għadu ġuvnott meta ltaqaʼ maʼ Ġonatan—raġel 30 sena ikbar minnu. Minkejja d-differenza fl-età tagħhom, David u Ġonatan saru ħbieb tal-qalb. (1 Samwel 18:1) L-istess ħaġa tistaʼ tiġri fil-ħajja tiegħek. “Reċentement, sirt napprezza l-valur li jkolli ħbieb li huma ikbar minni,” tgħid Kiara, li għandha 21 sena. “Jien għandi xi ħbieb tal-qalb li huma għaxriet taʼ snin ikbar minni, u verament napprezza l-ħarsa matura tagħhom lejn l-affarijiet u l-istabbiltà tagħhom.”—Prinċipju Bibliku: Ġob 12:12.

Apprezza l-benefiċċji tas-solitudni. Xi nies iħossuhom waħedhom eżatt malli jinzertaw mument taʼ privatezza. Imma li sempliċement tkun waħdek m’għandux għalfejn iġiegħlek tħossok waħdek. Pereżempju, Ġesù kien soċjevoli, imma apprezza wkoll il-valur taʼ li jkun waħdu. (Mattew 14:23; Marku 1:35) Int tistaʼ tagħmel l-istess. Minflok ma tqis il-fatt li tkun waħdek bħala żvantaġġ, uża l-ħin li jkollok fil-kwiet biex bl-apprezzament taħseb fuq il-barkiet li għandek. Dan jistaʼ jagħmlek ħabib saħansitra iżjed mixtieq għal oħrajn.—Proverbji 13:20.

^ par. 4 Xi ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.