Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IL-ĦARSA TAL-BIBBJA

L-annimali

L-annimali

B’mod jew ieħor, il-ħajja taʼ kważi kulħadd tiġi effettwata mill-annimali. Aħna responsabbli għal kif nittrattawhom?

Il-bnedmin kif għandhom jittrattaw lill-annimali?

DAK LI JGĦIDU N-NIES

Xi wħud jemmnu li l-annimali jistgħu jintużaw bi kwalunkwe mod li jrid il-bniedem. Oħrajn iħossu li l-annimali għandhom jiġu trattati bl-istess mod kif jiġu trattati n-nies.

  • Attivista prominenti għad-drittijiet tal-annimali qal li l-annimali għandhom igawdu d-“dritt bażiku li ma jiġux trattati biss bħala riżorsi jew oġġetti li jinxtraw u jinbiegħu.” Hu jżid: “Għandna nieqfu nittrattaw lill-annimali li mhumiex bnedmin bħala l-proprjetà tagħna.”

  • F’dak li ħafna jaħsbu li hu każ estrem, il-biljunarju Leona Helmsley ħalliet 9,260,000 ewro b’wirt biex jintużaw għall-kelba tagħha u kitbet fit-testment li l-fdalijiet tal-kelba jitpoġġew ħdejn tagħha wara li din tkun mietet.

Aħseb dwar dan: Int kif tħoss li l-annimali għandhom jiġu trattati?

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Il-Ħallieq tal-ħajja, Alla Ġeħova, qal lill-bnedmin: “Ħa jkunu sottomessi lejkom il-ħut tal-baħar u l-ħlejjaq li jtiru fis-smewwiet u kull ħliqa ħajja li titħarrek fuq l-art.” (Ġenesi 1:28) Mela, ikun raġunevoli li ngħidu li Alla jqis lill-bnedmin bħala li huma superjuri għall-annimali.

Dan ir-raġunar hu appoġġat mill-istqarrija sinifikanti li hemm eżatt qabel dan il-vers. Il-Bibbja tgħid li “Alla ħalaq il-bniedem fix-xbieha tiegħu, fix-xbieha t’Alla ħalqu; raġel u mara ħalaqhom.”—Ġenesi 1:27.

Peress li l-bniedem ġie maħluq “fix-xbieha t’Alla,” aħna uniċi f’kif nuru kwalitajiet divini, bħall-għerf, il-ġustizzja, u l-imħabba. Il-bnedmin jitwieldu bil-kapaċità tal-moralità u l-ispiritwalità. L-annimali huma neqsin minn abbiltajiet umani bħal dawn għax ma kinux maħluqin “fix-xbieha t’Alla.” Huma inferjuri u ma kienx l-iskop li jiġu trattati l-istess bħall-bnedmin.

Ifisser dan li l-bnedmin għandhom id-dritt li jittrattaw ħażin lill-annimali? Le.

  • Fil-Liġi tiegħu lill-Iżraelin, Alla għamel ċert li l-annimali jingħataw il-mistrieħ, l-ikel, l-għajnuna meta jkunu fil-periklu, u l-protezzjoni biex ma tiġrilhomx ħsara.—Eżodu 23:4, 5; Dewteronomju 22:10; 25:4.

“Sitt ijiem għandek tagħmel ix-xogħol tiegħek; imma fis-sebaʼ jum tistrieħ, sabiex il-barri u l-ħmar tiegħek jistrieħu u bin l-ilsira tiegħek u r-resident barrani jieħdu r-ruħ.”Eżodu 23:12.

 Hu ħażin li toqtol l-annimali?

DAK LI JGĦIDU N-NIES

Xi kaċċaturi u sajjieda joqtlu l-annimali għall-isport, u jeċċitaw ruħhom huma u jikkaċċjaw jew meta jaqbdu l-priża. Oħrajn jaqblu mal-kittieb Russu Leo Tolstoy, li kiteb li hu “sempliċement immorali” li l-annimali jinqatlu u jittieklu.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Alla jippermetti lin-nies joqtlu l-annimali biex jipproteġu l-ħajja umana jew biex ikollhom x’jilbsu. (Eżodu 21:28; Marku 1:6) Ukoll, il-Bibbja tgħid li l-bnedmin jistgħu joqtlu l-annimali għall-ikel. “Kull annimal ħaj li jitħarrek tistgħu tikluh,” jgħid Ġenesi 9:3. Anki Ġesù għen lid-dixxipli tiegħu jaqbdu l-ħut li iktar tard kielu minnu.—Ġwanni 21:4-13.

Minkejja dan, il-Bibbja tgħid li “lil kulmin iħobb il-vjolenza Ruħu [Alla] tobogħdu.” (Salm 11:5) Allura jagħmel sens li Alla ma jridniex nagħmlu l-ħsara jew noqtlu lill-annimali sempliċement għall-pjaċir jew bħala sport.

Il-Bibbja tindika li Alla jqis il-ħajja tal-annimali bħala taʼ valur għoli.

  • Il-Bibbja tgħid li fil-ħolqien, “Alla għamel il-bhejjem salvaġġi taʼ l-art skond ġenshom u l-annimali domestiċi skond ġenshom u kull annimal li jitkaxkar taʼ l-art skond ġensu. U Alla ra li dan kien tajjeb.”Ġenesi 1:25.

  • Il-Bibbja tgħid dwar Ġeħova: “Lill-bhejjem jagħtihom l-ikel tagħhom.” (Salm 147:9) Alla ħalaq ekosistema li tipprovdi ikel u kenn abbundanti għall-annimali.

  • Is-sultan David taʼ Iżrael qal fit-talb: “Int issalva lill-bniedem u l-bhima, O Ġeħova.” (Salm 36:6) Matul id-Dulluvju globali, pereżempju, Ġeħova salva tmienja min-nies u kull tip taʼ annimal qabel ma qered in-nies mill-agħar.—Ġenesi 6:19.

Biċ-ċar, Ġeħova japprova l-annimali li ħalaq, u jistenna li l-bnedmin jittrattaw lill-annimali bir-rispett.

“Il-ġust jieħu ħsieb l-annimal domestiku tiegħu.”Proverbji 12:10.