IL-QTATES domestiċi huma ġeneralment notturni, jew attivi billejl. Milli jidher, il-mustaċċi jgħinuhom jidentifikaw oġġetti fil-viċin u jaqbdu l-priża, partikularment wara nżul ix-xemx.

Ikkunsidra: Il-mustaċċi tal-qtates huma mwaħħlin maʼ nisġa taʼ ċelluli li għandha ħafna nervituri. Dawn in-nervituri huma sensittivi għal anki l-inqas moviment taʼ arja. B’hekk, il-qtates jistgħu jindunaw b’oġġetti fil-qrib mingħajr ma jarawhom—ovvjament dan hu vantaġġ fid-dlam.

Ladarba l-mustaċċi huma sensittivi ħafna għal affarijiet li jiġu f’kuntatt magħhom, il-qtates jużawhom biex jiddeterminaw il-pożizzjoni u l-movimenti taʼ oġġett jew taʼ priża. Ukoll, il-mustaċċi jgħinu lill-qtates ikejlu l-wisaʼ taʼ fetħa qabel ma jipprovaw jgħaddu minnha. L-Encyclopædia Britannica tgħid li “l-funzjonijiet tal-mustaċċi mhumiex mifhumin għalkollox; madankollu, huwa magħruf li jekk jiġu maqtugħin, il-qattus ikun temporanjament limitat.”

Ix-xjentisti qed jiddisinjaw robots mgħammrin b’sensors li jimitaw il-mustaċċi tal-qattus biex jgħinu lir-robots jimmanuvraw madwar ostakli mingħajr ma jolqtuhom. Dawn is-sensors, imsejħin e-whiskers, “jistaʼ jkollhom użu kbir fir-robotika avanzata, f’kif il-bnedmin jikkontrollaw il-magni, u fl-użu bijoloġiku,” jgħid Ali Javey, xjentist taʼ fakultà tal-University of California, Berkeley.

Int x’taħseb? Il-funzjoni tal-mustaċċi tal-qattus ġiet bl-evoluzzjoni? Jew ġiet disinjata?