Fi snin reċenti, il-ħajja tal-familja fil-pajjiżi tal-Punent inbidlet drammatikament. Kien hemm żmien meta l-ġenituri kienu jikkmandaw u t-tfal jobduhom. Issa, f’xi familji, jidher li hu l-kontra. Pereżempju, ikkunsidra x-xenarji li ġejjin, li kollha huma bbażati fuq sitwazzjonijiet realistiċi.

  • Waqt li qiegħed f’ħanut m’ommu, tifel t’erbaʼ snin jaqbad ġugarell. Ommu tipprova tiskuraġġih. “Diġà għandek biżżejjed ġugarelli, mhux hekk?” Tirrealizza tard wisq li ma kellhiex tispiċċa b’mistoqsija. “Imma rridu!” jeqred it-tifel. Minħabba li tibżaʼ minn xi xenata—is-soltu tattika tiegħu—l-omm iċċedi.

  • Tifla taʼ ħames snin tinterrompi lil missierha waqt li jkun qed jitkellem m’adult ieħor. “Iddejjaqt,” tgħid b’leħen għoli. “Irrid immur id-dar!” Missierha jieqaf f’nofs sentenza, jitbaxxa għal-livell taʼ bintu, u b’vuċi li tikkalma jgħidilha: “Ftit minuti oħra, qalbi—orrajt?”

  • James, taʼ 12-il sena, għal darb’oħra ġie akkużat li għajjat mal-għalliema tiegħu. Missier James jirrabja—mhux maʼ ibnu imma mal-għalliema. “Dejjem taqbad miegħek,” jgħid lil James. “Se mmur nirrapportaha lis-surmast!”

Dawn ix-xenarji huma fittizji, imma ma tistax tinnega li ma jiġrux. Juru li teżisti problema vera f’familji fejn il-ġenituri jittolleraw in-nuqqas taʼ manjieri tajbin f’uliedhom, iċedu għall-ordnijiet tagħhom, u “jsalvawhom” mill-konsegwenzi tal-imġiba ħażina tagħhom. “Hu iżjed u iżjed komuni li tara lill-ġenituri jċedu l-awtorità lit-tfal żgħar,” jgħid il-ktieb The Narcissism Epidemic. “M’ilux ħafna, it-tfal kienu jafu min jikkmanda—u ma kinux huma.”

 M’għandniex xi ngħidu, ħafna ġenituri jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex jgħallmu valuri tajbin lil uliedhom, mhux biss bl-eżempju tajjeb tagħhom imma wkoll billi jikkoreġu b’mod sod iżda bl-imħabba meta jkun hemm bżonn. Minkejja dan, ġenituri li jagħrfu l-valur taʼ li jagħmlu dan qegħdin, kif jgħid il-ktieb kwotat qabel, “jgħumu kontra l-kurrent kulturali.”

L-affarijiet kif waslu s’hawn? X’sar minnha d-dixxiplina?

L-awtorità tal-ġenituri tiddgħajjef

Xi wħud jgħidu li l-awtorità tal-ġenituri bdiet tiddgħajjef fis-snin 60, meta l-hekk imsejħa esperti kienu qed iħeġġu lill-ġenituri biex ma jirrabjawx maʼ wliedhom. Huma qalu: ‘Kun ħabib, mhux persuna taʼ awtorità.’ ‘Li tfaħħar hu aħjar milli tiddixxiplina.’ ‘Iżjed milli tikkoreġi l-ħażen, aqbad lil uliedek jagħmlu xi ħaġa tajba.’ Minflok ma sabu bilanċ bejn it-tifħir u t-twiddib, jidher li l-esperti kienu qed jgħidu li t-twiddib lit-tfal kien se jagħmel ħsara lill-emozzjonijiet fraġli tagħhom u jwassalhom biex jistmerru lill-ġenituri tagħhom iżjed tard fil-ħajja.

Fi ftit żmien, l-esperti kienu qed jirreklamaw ukoll il-valuri taʼ kemm wieħed jistma lilu nnifsu. Kien bħallikieku s-sigriet taʼ li tkun ġenitur tajjeb f’daqqa waħda nstab u kien sempliċement dan: Għin lil uliedek iħossuhom tajjeb dwarhom infushom. Bla dubju, hu importanti li trawwem il-kunfidenza fit-tfal. Imma dwar kemm wieħed jistma lilu nnifsu, l-esperti marru fl-estrem. Huma qalu lill-ġenituri: ‘Evitaw li tużaw kliem negattiv bħalma huma le u ħażin.’ ‘Ibqgħu għidu lil uliedkom li huma speċjali u li jistgħu jkunu kulma jridu jkunu.’ Kien bħallikieku li jħossuhom tajjeb kien aħjar milli jkunu tajjeb.

Il-moviment taʼ kemm wieħed jistma lilu nnifsu ġiegħel lit-tfal iħossuhom li għandhom xi drittijiet

Fl-aħħar mill-aħħar, hemm min jgħid li l-moviment taʼ kemm wieħed jistma lilu nnifsu ġiegħel lit-tfal iħossuhom li għandhom xi drittijiet, bħallikieku d-dinja midjuna magħhom. Ħalla wkoll lil ħafna żgħażagħ “mhux preparati għall-kritika  inevitabbli u li kultant ma jirnexxux, kif fir-realtà jiġri,” jgħid il-ktieb Generation Me. Missier li ġie kwotat f’dan il-ktieb poġġieha hekk: “Il-moviment taʼ kemm wieħed jistma lilu nnifsu ma jeżistix fid-dinja tax-xogħol. . . . Jekk tippreżenta rapport ħażin fl-uffiċċju, l-imgħallem mhux se jgħidlek, ‘Eh, kemm hu sabiħ il-kulur tal-karta li għażilt.’ Meta ddarri lit-tfal hekk fil-fatt tkun qed tagħmlilhom il-ħsara.”

Opinjonijiet li dejjem jinbidlu

Matul is-snin, il-prattiki tat-trobbija tat-tfal spiss urew l-opinjonijiet tal-bnedmin li dejjem jinbidlu. “Id-dixxiplina tibqaʼ tinbidel,” jikteb l-edukatur Ronald G. Morrish. “Turi bidliet fis-soċjetà tagħna.” * Hu faċli ħafna għall-ġenituri li jispiċċaw, kif tpoġġiha l-Bibbja, “mitfugħin ’l hemm u ’l hawn qisu mill-mewġ u mtajrin minn kull riħ taʼ tagħlim.”—Efesin 4:14.

Jidher ċar li x-xeħta kurrenti taʼ dixxiplina ratba għandha effetti negattivi. Mhux biss dgħajfet l-awtorità tal-ġenituri imma wkoll ħalliet lit-tfal mingħajr il-gwida li jeħtieġu biex jagħmlu għażliet tajbin u jiffaċċjaw il-ħajja b’kunfidenza ġenwina.

Hemm metodu aħjar?

^ par. 15 Tipa grassa tagħna; mill-ktieb Secrets of Discipline: 12 Keys for Raising Responsible Children.