Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | IL-BIBBJA GĦADHA TGĦODD GĦAL ŻMIENNA?

Valuri li dejjem japplikaw għal kulħadd—L-onestà

Valuri li dejjem japplikaw għal kulħadd—L-onestà

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Min se jkun mistieden fit-tinda [t’Alla]? . . . Dak li jimxi bla nuqqas u jipprattika s-sewwa u jitkellem il-verità f’qalbu.”Salm 15:1, 2.

IL-BENEFIĊĊJI: Il-biċċa l-kbira tan-nies japprezzaw l-onestà u l-integrità. Imma x’jiġri jekk persuna tiġiha l-opportunità li tiggwadanja mid-diżonestà—u mingħajr ma jsir jaf ħadd? Hawn hu fejn tidħol il-qalb, il-persuna ġewwinija.

Raquel, li xogħolha kien jinvolvi x-xiri tal-provvisti, qalet: “Ċerti rappreżentanti tal-aġenti pprovaw ixaħħmuni. Wegħduni li jekk nixtri mingħandhom, kienu se jagħtu parti mill-‘iskont’ lili minflok lill-kumpanija li impjegatni. Imma ftakart fil-parir tal-Bibbja rigward l-onestà u għedt le. L-imgħallma tiegħi semgħet dwar dan u l-fiduċja tagħha fija kibret.”

Li kieku Raquel aċċettat l-offerta, għandu mnejn li kienet tiggwadanja għal xi żmien. Imma x’kien jiġri li kieku saret taf l-imgħallma? Kienet se tibqaʼ impjegata hemmhekk Raquel? U xi ngħidu għall-prospetti tagħha taʼ impjieg fil-futur? Iżjed importanti għal Raquel kienu l-kuxjenza tagħha u r-rispett lejha nfisha. “Aħjar jintgħażel isem tajjeb minflok ħafna rikkezzi; l-approvazzjoni hi saħansitra aħjar mill-fidda u d-deheb,” jgħid Proverbji 22:1.

Joseph għamel isem tajjeb għalih innifsu bħala impjegat onest

Joseph * ukoll kien onest u taʼ min joqgħod fuqu, u għalhekk kellu isem tajjeb mal-imgħallem tiegħu. Il-benefiċċji? Hu mhux biss ingħata l-irwol taʼ maniġer imma ngħata wkoll iżjed flessibilità fl-iskeda tax-xogħol tiegħu. B’hekk, hu setaʼ jqattaʼ iżjed ħin mal-mara u wliedu u f’attivitajiet spiritwali.

Huma u jfittxu l-impjegati, xi mgħallmin irrikorrew għand gruppi taʼ nies li huma magħrufin għall-onestà tagħhom. Pereżempju, maniġer taʼ kumpanija fil-Filippini kiteb lill-uffiċċju lokali tax-Xhieda taʼ Ġeħova u stieden lix-Xhieda japplikaw għax-xogħol mal-kumpanija fejn kien jaħdem hu. Huma “jaħdmu iebes, onesti, u dedikati,” qal hu. Madankollu, il-krettu għal dan imur għand Alla Ġeħova, li jgħallimna biex ‘nobogħdu dak li hu ħażin’ u biex ‘inħobbu dak li hu tajjeb.’—Għamos 5:15.

^ par. 7 Xi ismijiet ġew mibdulin.