‘Għall-ewwel darba f’ħajti, sibt il-ferħ.’

HILTON kien iħobb il-boksing. Taʼ sebaʼ snin, kien qiegħed jiġġieled—kemm fir-ring kif ukoll barra r-ring! Meta kien l-iskola sekondarja, kien jiġġerra ’l hawn u ’l hemm maʼ sħabu, ifittex lil xi ħadd biex jagħtih xi xebgħa. “Kont nisraq, nilgħab għall-flus, nara l-pornografija, nittanta lin-nisa, u kont inkellem ħażin lill-ġenituri,” jgħid hu. “L-imġiba tiegħi tant kienet ħażina li l-ġenituri ħasbu li ma kienx possibbli ninbidel. Wara li spiċċajt l-iskola sekondarja, tlaqt mid-dar.”

Meta Hilton reġaʼ lura 12-il sena wara, il-ġenituri bilkemm setgħu jemmnu li dan kien binhom! Kien kalm, iġib ruħu tajjeb, u juri rispett. X’wassal għal din il-bidla tal-għaġeb? Waqt li ma kienx jgħix id-dar beda jaħseb bis-serjetà fejn kienet se twasslu ħajtu. Ukoll, kien eżamina l-Bibbja biex jara jekk setgħetx tgħinu jbiddel id-drawwiet tiegħu. “Applikajt dak li qrajt fil-Bibbja,” qal Hilton, “li kien ifisser li nbiddel il-personalità tiegħi u nobdi l-kmand f’Efesin 6:2, 3 biex nonora lill-ġenituri. Għall-ewwel darba f’ħajti, sibt il-ferħ veru u ġibt ferħ lil ommi u lil missieri, u mhux iżjed uġigħ il-qalb!”

L-istorja taʼ Hilton tenfasizza kemm huma siewja l-valuri Bibliċi u kif ukoll il-qawwa li dawn għandhom biex ibiddlu l-ħajjiet. (Ebrej 4:12) Ejja nikkunsidraw ftit minn dawn il-valuri—partikularment l-onestà, ir-rażan, il-fedeltà, u l-imħabba—u kif jistgħu jtejbu l-ħajjiet bil-kbir.