Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 ĦARSA LEJN ID-DINJA

Kelmtejn dwar is-saħħa

Kelmtejn dwar is-saħħa

Minkejja l-avvanzi fil-mediċina, il-mard ikompli jifni lill-umanità. Però, bħalma turi l-evidenza, ħafna problemi tas-saħħa tistaʼ tilqgħalhom.

Id-Dinja

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tbassar li sal-2035, kull sena 24 miljun ruħ se jkun instabilhom il-kanċer. Din hi żieda taʼ xi 70 fil-mija iżjed min-numru li nstabilhom il-kanċer bħalissa, li hu maħsub li hu ’l fuq minn 14-il miljun. Hu stmat li nofs dawn il-każijiet se jiġu minħabba fatturi tal-istil taʼ ħajja, bħall-abbuż tal-alkoħol, l-inattività, il-piż żejjed, it-tipjip, u li wieħed ikun espost għar-radjazzjoni.

Il-Britannja

Wara preżentazzjoni b’evidenza, il-gvern tal-Britannja beda inkjesta dwar il-possibbiltà li l-forma tal-mard tal-baqar (BSE) fil-bniedem tistax tinxtered bi proċeduri bħalma huma t-trasfużjonijiet tad-demm. “Konna konċernati ħafna meta smajna bl-evidenza li din il-marda li ma titfejjaqx għadha taʼ riskju sinifikanti għas-saħħa pubblika,” qal Andrew Miller, membru parlamentari. “Intqalilna li [l-infezzjoni tistaʼ tinxtered] permezz taʼ kontaminazzjoni mifruxa tal-provvista tad-demm u tal-organi,” żied hu.

In-Norveġja

Id-dipressjoni tistaʼ żżid ir-riskju taʼ attakk tal-qalb sa 40 fil-mija, jgħid studju taʼ 11-il sena li sar fuq kważi 63,000 Norveġiż. Il-European Society of Cardiology kkwotat lil wieħed mill-awturi tal-istudju li qal li d-dipressjoni mhux biss iġġiegħel il-ġisem jipproduċi l-ormoni tal-istress li jwasslu għall-mard tal-qalb imma wkoll tfixkel l-abbiltà li persuna jkollha biex issegwi pariri li jingħatawlha u li jistgħu jtejbulha saħħitha.

L-Istati Uniti

Ix-xjentisti qed jinvestigaw il-perikli potenzjali għas-saħħa li jiġu minn tartru tad-duħħan tat-tipjip li jibqaʼ fuq l-għamara u fit-trab f’appartamenti, kmamar tal-lukandi, u karozzi. Tartru li jakkumula jistaʼ bil-mod il-mod isir iżjed velenuż maż-żmien.