Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IL-ĦARSA TAL-BIBBJA

It-tbatija

It-tbatija

Xi nies iħossu li Alla jikkaġuna t-tbatija umana jew li ma jimpurtahx minnha. Imma hekk tgħallem il-Bibbja? Għandu mnejn tibqaʼ sorpriż bit-tweġiba.

Alla jġegħelna nbatu?

“Naf fiċ-ċert li Alla ma jaġixxix bil-ħażen.”Ġob 34:12.

DAK LI JGĦIDU N-NIES

Xi wħud jgħidu li kulma jiġri hu r-rieda t’Alla. B’hekk, jemmnu li Alla jġegħelna nbatu. Meta jiġru d-diżastri naturali, pereżempju, jaħsbu li dawn il-ġrajjiet huma mod kif Alla jikkastiga lil dawk li jkunu dinbu.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Il-Bibbja tgħallem ċar li Alla ma jġegħelniex inbatu. Pereżempju, il-Bibbja tgħid li meta xi ħadd ikun għaddej minn prova, ikun żball li jgħid: “Alla qed jgħaddini minn prova.” Għala? Għax “Alla la jistaʼ jiġi provat u lanqas ma jipprova lil ħadd b’affarijiet ħżiena.” (Ġakbu 1:13) Fi kliem ieħor, Alla qatt ma jikkaġuna l-provi li niffaċċjaw jew it-tbatija li tiġi minnhom. Kieku din kienet tkun xi ħaġa mill-agħar, imma “Alla ma jaġixxix bil-ħażen.”—Ġob 34:12.

Jekk Alla ma jġegħelniex insofru, mela min jew xi jġegħelna nsofru? B’sogħba, il-bnedmin spiss jispiċċaw vittma taʼ nies imperfetti oħra. (Ekkleżjasti 8:9) Iżjed minn hekk, nistgħu nħabbtu wiċċna mal-gwaj minħabba “ġrajjiet mhux mistennijin”—jiġifieri għax sempliċement inkunu f’post ħażin f’ħin ħażin. (Ekkleżjasti 9:11) Il-Bibbja tgħallem li fl-aħħar mill-aħħar, “il-ħakkiem taʼ din id-dinja,” Satana x-Xitan, hu responsabbli għat-tbatija tal-bniedem, għax “id-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-Ħażin.” (Ġwanni 12:31; 1 Ġwanni 5:19) Huwa Satana—mhux Alla—li jġiegħel lin-nies ibatu.

 Alla jimpurtah mit-tbatija tagħna?

“Kulmeta kienu mnikktin hu kien imnikket.”Isaija 63:9.

DAK LI JGĦIDU N-NIES

Xi wħud jaħsbu li Alla ma jimpurtahx mit-tbatija tagħna. Pereżempju, kittieb jitkellem dwar dak li hu jsejjaħ “nuqqas taʼ ħniena jew mogħdrija għat-tbatija tagħna” min-naħa t’Alla. Dan il-kittieb jirraġuna li jekk jeżisti Alla, bilfors li Hu jqis lill-bnedmin b’“indifferenza bla sentimenti.”

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Iktar milli tgħid li Alla hu bla ħniena jew indifferenti, il-Bibbja tgħallem li Alla hu effettwat bil-kbir mit-tbatija tagħna—u li dalwaqt se jtemmha. Ikkunsidra tliet veritajiet taʼ faraġ misjubin fil-Bibbja.

Alla hu konxju tat-tbatija tagħna. Mill-bidu nett tat-tbatija umana, lanqas demgħa waħda ma ħarbitlu lil Ġeħova, * li “għajnejh . . . jeżaminaw” kollox. (Salm 11:4; 56:8) Pereżempju, meta l-aduraturi tiegħu fil-qedem kienu qed jiġu maħqurin, Alla qal: “Bla dubju jien rajt is-sofferenza tan-nies tiegħi.” Imma kien hu sempliċement konxju tat-tbatija tagħhom? Le, għax żied: “Naf tajjeb kemm qed isofru.” (Eżodu 3:7) Ħafna nies sabu l-faraġ f’dik il-verità—il-ħsieb li Alla hu konxju taʼ kull tbatija li ngħaddu minnha, anke l-provi li ħaddieħor għandu mnejn lanqas biss jaf bihom jew jifhimhom.—Salm 31:7; Proverbji 14:10.

Alla jħoss għalina meta nbatu. Alla Ġeħova mhux biss hu konxju tat-tbatija umana imma jiġi effettwat bil-kbir minnha. Pereżempju, Alla sinċerament kien ikkonċernat meta l-aduraturi tiegħu tal-qedem ħabbtu wiċċhom mal-provi. “Kulmeta kienu mnikktin hu kien imnikket,” tgħid il-Bibbja. (Isaija 63:9) Għalkemm Alla hu bil-wisq superjuri għall-bnedmin, hu jħoss mogħdrija għal dawk li jbatu—bħallikieku l-uġigħ tagħhom kien f’qalbu! Tabilħaqq, “Ġeħova juri affezzjoni b’tenerezza kbira u hu mimli ħniena.” (Ġakbu 5:11) Iżjed minn hekk, Ġeħova jgħinna nissaportu t-tbatija tagħna.—Filippin 4:12, 13.

Alla se jtemm it-tbatija kollha tal-bniedem. Skont il-Bibbja, Alla se jtemm it-tbatija taʼ kull bniedem fid-dinja. Permezz tas-Saltna tas-sema tiegħu, Ġeħova se jbiddel drastikament il-kundizzjoni tal-bniedem—għall-aħjar. Dwar dak iż-żmien, il-Bibbja twiegħed li Alla “jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.” (Rivelazzjoni 21:4) Xi ngħidu għal dawk li diġà mietu? Alla se jerġaʼ jagħtihom il-ħajja hawn fuq l-art sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jgawdu l-ħajja mingħajr tbatija. (Ġwanni 5:28, 29) Se jkun hemm xi ħadd li jħossu mifni bil-memorji koroh tat-tbatija tal-passat? Le, għaliex Ġeħova jwiegħed: “L-affarijiet taʼ qabel ma jitfakkrux, u lanqas ma jweġġgħu l-qalb.”—Isaija 65:17. *

^ par. 13 Ġeħova hu l-isem t’Alla kif jidher fil-Bibbja.

^ par. 15 Biex tkun taf għaliex Alla ppermetta t-tbatija għal xi żmien u kif se jtemmha, jekk jogħġbok ara kapitli 8 u 11 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.