Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

“Nirrifjuta li noqgħod nhewden fuq il-marda tiegħi”

“Nirrifjuta li noqgħod nhewden fuq il-marda tiegħi”

“Kelli bżonn l-għajnuna biex nidħol u noħroġ mis-sodda. Kont inweġġaʼ biex nimxi. Griżmejja ngħalqu, u għalhekk ma stajtx niblaʼ l-pilloli tal-uġigħ. Beda jkolli feriti li ma setgħux ifiqu, uħud minnhom maż-żmien ikkankraw. Kelli l-ulċeri fl-istonku u ħruq taʼ stonku kbir. Ma fhimtx x’kien qed jiġrili. Kelli biss għaxar snin.”—Elisa.

Minkejja l-limitazzjonijiet tagħha, Elisa tieħu pjaċir tgħallem lil ħaddieħor dwar il-Bibbja

L-ISKLERODERMA—li tfisser “ġilda iebsa”—hija kelma li tintuża biex tiddeskrivi mard li jolqot xi 2.5 miljun persuna madwar id-dinja. It-tip taʼ marda li ġeneralment tidher fit-tfal hi l-iskleroderma lokalizzata, li fil-biċċa l-kbira tinvolvi li t-tessuti tal-ġilda jibbiesu.

Però, meta kellha għaxar snin, lil Elisa nstabitilha l-iskleroderma sistemika—kundizzjoni li tistaʼ teffettwa serjament mhux biss il-ġilda imma wkoll kif jaħdmu l-organi ġol-ġisem, inkluż il-kliewi, il-qalb, il-pulmun, u s-sistema gastro-intestinali. It-tobba ħasbu li l-kura kienet se ttawwal il-ħajja t’Elisa b’ħames snin biss. Issa, xi 14-il sena wara, għadha ħajja minkejja dak li stennew it-tobba. Għalkemm mhix imfejqa, għandha attitudni pożittiva lejn il-ħajja. Stenbaħ! tkellem maʼ Elisa dwar il-marda tagħha u dwar is-saħħa li għandha biex tkampa.

 Meta ndunajt li kont ma tiflaħx?

Meta kelli disaʼ snin, kelli qatgħa fil-minkeb, u kienet estremament taʼ wġigħ. Il-ferita kibret u ma riditx tfiq. Test tad-demm wera li kelli l-iskleroderma sistemika. Minħabba li saħħti kienet qed tmur lura bħal granċ, kellna nsibu tabib li kellu l-esperjenza fil-kura tal-iskleroderma.

Xi rriżulta mit-tfittxija?

Sibna rewmatologa. Qalet lill-ġenituri li l-kimoterapija tistaʼ ġġiegħel lill-iskleroderma tnaqqas u testendili ħajti b’ħames snin, bil-possibbiltà li l-marda li għandi tieqaf temporanjament. L-iżvantaġġ kien li l-kimoterapija setgħet iddgħajjifli s-sistema tal-immunità. Jekk saħansitra nieħu riħ stajt immut.

Ovvjament, l-agħar ma ġarax.

Le, nirringrazzja lil Alla għadni ħajja. Madankollu, meta kelli xi 12-il sena, beda jkolli wġigħ qawwi f’sidri li kien idum xi 30 minuta, kultant darbtejn kuljum. Tant kien ikun qawwi li kien iġegħelni ngħajjat.

X’kienet il-kawża?

It-tobba sabu li l-livell tal-emoglobina tiegħi kien tant baxx li kont fil-periklu u qalbi kienet qed tippompja iktar iebes biex twassal id-demm lejn moħħi. Fi żmien ftit ġimgħat, il-kura solviet il-problema. Imma f’dak iż-żmien, niftakarni naħseb li minn jum għall-ieħor setaʼ jiġrili minn kollox. Ħassejtni bla tama iżjed minn qatt qabel, bħallikieku ma kelli ebda kontroll fuq dak li kien qed jiġrili.

Għaddew xi 14-il sena mindu nstab x’għandek. Kif inhi saħħtek issa?

Għadni muġugħa, u għandi mard ieħor relatat mal-iskleroderma. Dan jinkludi l-ulċeri, il-fibrożi tal-pulmun, u ħruq taʼ stonku qawwi. Xorta waħda, nirrifjuta li noqgħod nhewden fuq il-marda tiegħi jew li naħli l-ħin inħossni mdejqa. Għandi affarijiet oħra x’nagħmel.

Bħal xiex?

Inħobb inpinġi, inħit, nagħmel il-ġojjellerija. Imma l-iktar importanti, bħala Xhud taʼ Ġeħova, nieħu sehem fix-xogħol tat-tagħlim tal-Bibbja. Anki meta ma nkunx nistaʼ nimxi sad-djar tan-nies, inkun nistaʼ ngħin lil Xhieda oħrajn li jikkonduċu studji tal-Bibbja maʼ nies fl-inħawi tagħna. Anki kelli studenti tiegħi stess. Il-ministeru jagħtini skop fil-ħajja.

Għala tieħu sehem f’dan ix-xogħol meta diġà għandek problemi personali x’tiffaċċja?

Naf li l-informazzjoni li naqsam man-nies hi vitali u taʼ benefiċċju. Barra minn hekk, meta nkun medhija ngħin lil ħaddieħor b’dan il-mod, inkun iktar ferħana. Saħansitra nħossni iżjed f’saħħti! Matul dak il-perijodu qasir, ninsa li jien marida.

Xi rwol għandha l-Bibbja fil-ħarsa pożittiva tiegħek?

Tfakkarni li t-tbatija tiegħi—u dik taʼ ħaddieħor ukoll—hi biss temporanja. Rivelazzjoni 21:4 jgħid li fiż-żmien imwaqqat tiegħu, Alla “jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.” Meta naħseb dwar skritturi bħal din, il-fidi tiegħi fil-wegħda t’Alla għal futur sabiħ tissaħħaħ—mhux biss għal dawk li jbatu b’mard kroniku imma għal kulħadd.