Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Sibt it-tama meta l-iktar kelli bżonnha

Sibt it-tama meta l-iktar kelli bżonnha

F’daqqa waħda sibt ruħi wiċċi ’l isfel fl-ilma. Ipprovajt nerfaʼ rasi biex nieħu n-nifs, imma l-muskoli t’għonqi ma ridux jirrispondu. Imwerwer, ipprovajt indur wiċċi ’l fuq, imma jdejja u saqajja ma ridux jiċċaqalqu. Il-pulmun beda jimtela bl-ilma. F’dik il-ġurnata sajfija u sħuna fl-1991, ħajti nbidlet għalkollox.

JIEN twelidt fil-belt taʼ Szerencs u trabbejt fir-raħal taʼ Tiszaladány fil-Grigal tal-Ungerija. F’Ġunju tal-1991, mort maʼ ftit minn sħabi ħdejn ix-Xmara Tisza f’post li ma konniex nafuh. Billi ħsibt li l-ilma kien fond, qbiżt għal rasi. Kien żball oħxon! Ksirt tliet għadmiet minn għonqi u għamilt il-ħsara fis-sinsla taʼ dahri. Sieħbi ra li ma kontx qed niċċaqlaq u bil-mod ħariġni mill-ilma qabel m’għeriqt.

Bqajt konxju u kont naf li ġrat xi ħaġa gravi. Xi ħadd ċempel lis-servizzi tal-emerġenza, u ġie ħelikopter u ħadni l-isptar, fejn it-tobba operawni fis-sinsla taʼ dahri biex ma ssirx iżjed ħsara. Iżjed tard, ittrasferewni għal Budapest, il-belt kapitali, għar-riabilitazzjoni. Domt wiċċi ’l fuq għal tliet xhur. Għalkemm stajt inċaqlaq rasi, ma kelli ebda kontroll fuq il-muskoli minn spallejja ’l isfel. Taʼ 20 sena, spiċċajt niddependi għalkollox fuq oħrajn. Tant qtajt qalbi li ridt immut.

Meta fl-aħħar ħallewni mmur id-dar, il-ġenituri rċivew taħriġ biex ikunu jistgħu jieħdu ħsiebi. Imma x-xogħol kien iebes wisq għalihom fiżikament u emozzjonalment, u wara xi sena qabditni d-dipressjoni. Imbagħad irċivejt għajnuna professjonali u dan għenni nbiddel ħarsti dwar id-diżabilità tiegħi.

Ukoll, bdejt naħseb iżjed fil-fond dwar il-ħajja. Għandha skop? Din it-traġedja għala ġrat lili? Qrajt xi rivisti u kotba biex nipprova nsib it-tweġibiet. Ipprovajt naqra l-Bibbja wkoll imma sibtha diffiċli nifhimha. Allura reġgħet sabet postha fuq l-ixkaffa. Anki tkellimt maʼ qassis, imma t-tweġibiet xejn ma sibthom sodisfaċenti.

Imbagħad, fir-rebbiegħa tal-1994, tnejn mix-Xhieda taʼ Ġeħova żaru lil missieri, u hu talabhom ikellmu lili. Tajt widen hekk kif iddeskrivew l-iskop li għandu Alla biex jagħmel l-art ġenna u jelimina l-mard u t-tbatija. Għoġobni ħafna dak li smajt, imma kont xettiku. Xorta waħda, aċċettajt żewġ kotba li jgħinuk tifhem il-Bibbja. Wara li qrajthom, ix-Xhieda offrewli li jistudjaw il-Bibbja miegħi, u jien aċċettajt. Ukoll ħeġġewni nitlob.

Sirt konvint li Alla tassew jagħti kasi

 Hekk kif id-diskussjonijiet tagħna mxew ’il quddiem, irċivejt it-tweġibiet għal ħafna mill-mistoqsijiet tiegħi direttament mill-Bibbja. Sirt konvint ukoll li Alla tassew jimpurtah minni. Fl-aħħar, fit-13 taʼ Settembru 1997, wara li studjajt il-Bibbja għal sentejn, tgħammidt id-dar f’banju. Kienet waħda mill-iżjed ġranet ferħanin taʼ ħajti.

Fl-2007, mort ngħix f’Budapest għalkollox f’dar għal dawk b’diżabilità. Din iċ-ċaqliqa tatni ħafna opportunitajiet biex naqsam m’oħrajn l-affarijiet sbieħ li tgħallimt. Meta jkun il-bnazzi, nistaʼ anki noħroġ barra biex inkellem lin-nies, grazzi għal siġġu tar-roti motorizzat li nidderieġi b’geddumi.

Bl-għajnuna finanzjarja ġeneruża taʼ familja fil-kongregazzjoni tiegħi, ksibt kompjuter li jaħdem billi jsegwi l-movimenti taʼ rasi. Dan l-apparat jippermettili nċempel lin-nies permezz tal-Internet u nikteb ittri lil inkwilini li ma kinux id-dar meta l-membri tal-kongregazzjoni tiegħi żaruhom. Li ngħin lil ħaddieħor b’dan il-mod tejjeb mhux ħażin l-abbiltajiet tiegħi biex nikkomunika u għenni ma nibqax iffokat fuqi nnifsi.

Naqsam il-messaġġ tal-Bibbja permezz tal-Internet bl-użu taʼ apparat li jsegwi l-movimenti taʼ rasi

Nistaʼ saħansitra nattendi l-laqgħat Kristjani. Meta nasal is-Sala tas-Saltna, ħuti spiritwali bl-attenzjoni jtellgħuni sular fis-siġġu tar-roti tiegħi fejn isiru l-laqgħat. Waqt il-laqgħat, meta l-udjenza tiġi mistiedna tikkummenta, il-ħu li jkun maġenbi jgħolli idu għalija. Imbagħad iżommli l-Bibbja jew il-ktieb li nkunu qed nużaw waqt li nagħmel il-kumment tiegħi.

Il-ħin kollu nkun muġugħ u għandi bżonn lil ħaddieħor biex jagħmilli kważi kollox. Għalhekk, kultant xorta nħossni skuraġġit. Imma nsib il-faraġ fil-ħbiberija li għandi m’Alla Ġeħova għax naf li jismaʼ meta niftaħ qalbi miegħu. Nikseb ukoll is-saħħa mill-qari tal-Bibbja kuljum u mingħand ħuti spiritwali. Il-ħbiberija, l-appoġġ emozzjonali, u t-talb tagħhom għalija jgħinuni nżomm bilanċ mentali u emozzjonali.

Ġeħova tani l-faraġ meta l-iktar kelli bżonnu. Tani wkoll it-tama taʼ saħħa perfetta f’dinja ġdida. B’hekk, nixxennaq għaż-żmien meta nkun nistaʼ ‘nimxi u naqbeż u nfaħħru’ għal dejjem għall-imħabba u l-qalb tajba straordinarja tiegħu.—Atti 3:6-9.