“Inkun ferħan meta niżżewweġ u jkolli t-tfal.”

“Inkun ferħan meta jkolli d-dar tiegħi.”

“Inkun ferħan meta jkolli dak l-impjieg.”

“Inkun ferħan meta . . . ”

QATT ħassejtek hekk? U meta lħaqt il-mira tiegħek jew ksibt dik il-ħaġa li xtaqt, domt ferħan? Jew beda jonqos dak il-ferħ? Veru, li nilħqu ċerta mira jew li niksbu xi ħaġa li nkunu xtaqna jistaʼ jagħmilna ferħanin, imma dan it-tip taʼ ferħ jistaʼ jkun temporanju. Il-ferħ dejjiemi mhuwiex ibbażat biss fuq dak li nagħmlu jew dak li niksbu. Pjuttost, bħas-saħħa fiżika tajba, il-ferħ veru jiddependi fuq varjetà taʼ fatturi.

Kull wieħed minna hu uniku. Dak li jferraħ lilek mhux bilfors iferraħ lil ħaddieħor. Barra minn hekk, aħna u nikbru ninbidlu. Madankollu, l-evidenza turi li ċerti affarijiet huma assoċjati iżjed b’mod konsistenti mal-ferħ. Pereżempju, il-ferħ ġenwin jixxebbah maʼ li ssib il-kuntentizza, maʼ li tevita l-għira, maʼ li trawwem l-imħabba għal oħrajn, u maʼ li tkun flessibbli mentalment u emozzjonalment. Ejja naraw għala.

 1. SIB IL-KUNTENTIZZA

“Il-flus huma protezzjoni,” qal raġel għaqli li osserva n-natura umana. Imma kiteb ukoll: “Min iħobb il-fidda ma jixbax bil-fidda, u lanqas min iħobb l-għana ma jixbaʼ bid-dħul. Dan ukoll frugħa.” (Ekkleżjasti 5:10; 7:12) X’inhu l-punt tiegħu? Filwaqt li għandu mnejn għandna bżonn il-flus għall-ħajja, għandna nevitaw ir-regħba, għax din ma xxebbagħha b’xejn! Il-kittieb, is-Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem, fil-fatt esperimenta biex jara jekk il-ġid u l-ħajja lussuża jippromwovux ferħ veru. “Kulma xtaqu għajnejja ma ċħadthulhomx,” kiteb hu. “Lil qalbi ma ħallejtha nieqsa mill-ebda tip taʼ pjaċir.”—Ekkleżjasti 1:13; 2:10.

Wara li stagħna, Salamun bena djar grandjużi, għamel ġonna u għadajjar tal-ilma mill-isbaħ, u kiseb ħafna qaddejja. Kulma xtaq kisbu. X’tgħallem? L-esperiment tiegħu ġablu xi ftit tal-ferħ imma dan kien għomru qasir. “Kollox kien frugħa,” osserva hu. “Ma kien hemm xejn taʼ vantaġġ.” Saħansitra wasal biex jobgħod il-ħajja! (Ekkleżjasti 2:11, 17, 18) Iva, Salamun tgħallem li ħajja li fiha wieħed jikkuntenta lilu nnifsu fl-aħħar mill-aħħar tħalli lil dak li jkun iħossu vojt u u bla sodisfazzjon. *

Jaqblu studji moderni maʼ dan l-għerf antik? F’artiklu pubblikat fir-rivista Journal of Happiness Studies ġie nnotat li “wara li jkunu sodisfati l-bżonnijiet taʼ dak li jkun, iżjed dħul finanzjarju ftit jagħmel biex itejjeb kemm wieħed ikun kuntent.” Tabilħaqq, instab li investiment żejjed fil-konsum materjali jistaʼ jherri l-ferħ, speċjalment meta jmorru minn taħt il-valuri morali u spiritwali.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Ħa jkun il-mod kif tgħixu ħieles mill-imħabba għall-flus, waqt li tkunu kuntenti b’dak li għandkom fil-preżent.”Ebrej 13:5.

2. EVITA L-GĦIRA

Dizzjunarju jgħid li l-għira hi “li tkun muġugħ jew li tinkedd meta tirrealizza li ħaddieħor igawdi vantaġġ fuqek, flimkien max-xewqa li jkollok l-istess vantaġġ int.” Bħal kankru, l-għira tistaʼ tirkeb lil dak li jkun u teqridlu l-ferħ. L-għira kif tistaʼ tinbet? Kif nistgħu nagħrfu din il-karatteristika? U kif nistgħu niġġildulha?

L-Encyclopedia of Social Psychology tgħid li n-nies għandhom it-tendenza li jgħiru għal oħrajn ugwali għalihom, forsi fl-età, fl-esperjenza, jew fl-isfond soċjali. Pereżempju, bejjiegħ forsi ma jgħirx għal attur famuż. Imma jistaʼ jgħir għal bejjiegħ ieħor li għamel iżjed suċċess minnu.

Biex nagħtu eżempju: Ċerti uffiċjali għoljin fil-Persja tal-qedem m’għerux għas-sultan, imma għal uffiċjal seħibhom li kien jilħaqlu, jismu Danjel. Nistgħu naraw kemm kellhom dwejjaq dawk l-irġiel mill-fatt li saħansitra kkonfoffaw biex joqtlu lil Danjel. Imma l-konfoffa ma rnexxietx. (Danjel 6: 1-24) “Hu importanti li tagħraf li l-għira ġġiegħlek tobgħod lil ħaddieħor,” tgħid l-enċiklopedija li semmejna qabel. “Din il-mibegħda tispjega għala l-għira hi assoċjata maʼ tant każijiet taʼ aggressjoni fil-passat.” *

L-għira tistaʼ tivvelena l-kapaċità li għandha persuna biex tgawdi l-affarijiet tajbin fil-ħajja

Kif tistaʼ tagħraf l-għira? Staqsi lilek innifsek: ‘Is-suċċessi li jkollu xi ħadd tampari jferrħuni jew jinkwetawni? Jekk ħija jew oħti, sieħbi tal-iskola li jkun bravu jew sieħbi tax-xogħol b’xi mod jiżgarra, jiddispjaċini għalih jew nifraħ?’ Jekk twieġeb “jinkwetawni” u “nifraħ,” jistaʼ jkun li l-għira tkun qed tinbet ġo fik. (Ġenesi 26:12-14) “L-għira,” tgħid l-Encyclopedia of Social Psychology, “tistaʼ tivvelena l-kapaċità li għandha persuna biex tgawdi l-affarijiet tajbin fil-ħajja u telimina sentimenti taʼ gratitudni għal ħafna mill-għotjiet tal-ħajja. . . . Tendenzi bħal dawn ma tantx se jġibu ferħ.”

Niġġieldu kontra l-għira billi nrawmu l-umiltà u l-modestja ġenwina, u dan jgħinna napprezzaw u ngħożżu l-abbiltajiet u l-kwalitajiet tajbin t’oħrajn. “Tagħmlu xejn bi ġlied jew bi kburija,” tgħid il-Bibbja, ‘imma b’umiltà qisu lill-oħrajn superjuri għalikom.’—Filippin 2:3.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Ħa ma nintefħux bina nfusna, għax b’hekk inqanqlu l-kompetizzjoni bejnietna, u ngħiru għal xulxin.”Galatin 5:26.

3. RAWWEM L-IMĦABBA GĦAN-NIES

“Is-sentimenti tan-nies dwar ir-relazzjonijiet tagħhom għandhom impatt ikbar fuq is-sodisfazzjon inġenerali li jkollhom fil-ħajja milli għandhom l-impjieg, id-dħul finanzjarju, il-komunità, jew anke s-saħħa fiżika,” jgħid il-ktieb Social Psychology. Fi kliem ieħor, sabiex ikunu veru ferħanin, il-bnedmin iridu jagħtu u jirċievu l-imħabba. “Kieku . . .  “m’għandix imħabba, ma jien xejn,” qal kittieb Bibliku.—1 Korintin 13:2.

Qatt mhu tard wisq biex trawwem l-imħabba. Pereżempju, missier Vanessa kien vjolenti u sakranazz. Meta kellha 14-il sena, ħarbet mid-dar u għexet maʼ familji li jieħdu ħsieb it-tfal t’oħrajn u qagħdet fi stabbiliment xejn sabiħ li jipprovdi ikel u kenn. Hawn tiftakarha titlob bil-qalb lil Alla għall-għajnuna. Imbagħad, forsi bi tweġiba għat-talb tagħha, tpoġġiet maʼ familja li għexu fi qbil mal-prinċipju Bibliku li “l-imħabba tistabar fit-tul u qalbha tajba.” (1 Korintin 13:4) Dak l-ambjent, flimkien maʼ dak li kienet qed titgħallem mill-istudju tagħha stess tal-Bibbja, għen lil Vanessa tfiq emozzjonalment u tagħmel progress mentalment. Hi qalet li r-riżultati tal-iskola tjiebu ġmielhom.

Vanessa għad għandha feriti emozzjonali. Minkejja dan, issa hi kuntenta fiż-żwieġ u omm taʼ żewġt ibniet.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Ilbsu l-imħabba, għax hi rabta perfetta li tgħaqqad.”Kolossin 3:14.

 4. KUN FLESSIBBLI

Min għandu ħajja bla problemi? Bħalma tgħid il-Bibbja, hemm “żmien li tibki” u “żmien li tolfoq.” (Ekkleżjasti 3:4) Li tkun flessibbli jgħinek tkampa fi żminijiet bħal dawn—biex iżżomm attitudni pożittiva minkejja l-problemi. Ikkunsidra lil Carol u lil Mildred.

Carol għandha marda fis-sinsla li dejjem tmur għall-agħar, id-dijabete, tbati mill-waqfien tan-nifs fl-irqad (sleep apnea) u minn marda tal-għajnejn li tellfitilha d-dawl minn għajnha x-xellugija. Madankollu hi tgħid: “Nipprova ma nsewwidx qalbi fit-tul. Inħalli lili nnifsi nitħassar lili nnifsi. Imma mbagħad nieqaf naħseb dwari stess u nirringrazzja lil Alla għal dak li għadni nistaʼ nagħmel, speċjalment għal ħaddieħor.”

Mildred ukoll għandha ħafna mard, inkluż l-artrite, il-kanċer tas-sider, u d-dijabete. Imma bħal Carol, tipprova ma tiffokax fuq il-problemi tagħha. “Tgħallimt inħobb lin-nies u nfarraġhom meta jkunu morda, u dan jgħin lili wkoll,” tikteb hi. “Infatti, insib li meta nfarraġ lil oħrajn ma nkunx qed ninkwieta għalija nnifsi.”

Carol u Mildred isibu l-ferħ f’li jfarrġu lil oħrajn

Għalkemm dawn iż-żewġ nisa huma interessati f’li jkollhom kura medika tajba, huma jiffokaw fuq l-attitudni tagħhom u fuq kif jistgħu jużaw ħinhom u mhux fuq is-saħħa fiżika tagħhom. B’hekk, għandhom paċi ġewwinija li ħadd ma jistaʼ jiħdilhom. Iżjed minn hekk, huma maħbubin ħafna minn oħrajn u huma taʼ ispirazzjoni għal nies li jkunu għaddejjin minn provi differenti.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Hieni l-bniedem li jibqaʼ jissaporti l-provi, għaliex meta jiġi approvat jirċievi l-kuruna tal-ħajja.”Ġakbu 1:12.

Meta jiġi applikat, l-għerf tal-Bibbja jkun “siġra tal-ħajja għal dawk li jaqbdu miegħu, u dawk li jibqgħu jżommuh sod jissejħu henjin.” (Proverbji 3:13-18) Għaliex ma tiskoprix dan għalik innifsek billi tuża l-għerf misjub fil-Bibbja? Wara kollox, l-Awtur taʼ dan il-ktieb sagru, li hu msejjaħ ukoll “l-Alla l-hieni,” irid li int ukoll tkun hieni.—1 Timotju 1:11.

^ par. 11 Ir-rakkont tal-esperiment taʼ Salamun jinstab f’Ekkleżjasti 2:1-11. Tistaʼ taqra l-Bibbja

^ par. 17 Każ fl-istorja li jispikka jinvolvi lil Ġesù Kristu. Marku 15:10 jgħid li “kien minħabba l-għira li l-qassisin ewlenin” taw lil Ġesù għall-mewt.