Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IL-ĦARSA TAL-BIBBJA

Ix-xbihat

Ix-xbihat

Miljuni taʼ nies sinċieri jqimu x-xbihat. Imma din il-prattika hi appoġġata mill-Bibbja? Togħġbu lil Alla?

Kienu l-Lhud leali taż-żminijiet Bibliċi jqimu x-xbihat?

“Tagħmilx għalik xi xbieha skolpita jew forma bħal xi ħaġa li hemm fis-smewwiet ’il fuq, jew li hemm fuq l-art taħt, jew li hemm fl-ilmijiet taħt l-art. Tmilx quddiemhom u lanqas tiġi mħajjar biex taqdihom.”—Eżodu 20:4, 5.

Il-qima tax-xbihat hi kundannata konsistentament fl-Iskrittura Ebrajka, spiss imsejħa t-Testment il-Qadim.

STQARRIJA KOMUNI

Skont in-New Catholic Encyclopedia, il-Lhud kellhom abbundanza taʼ xbihat assoċjati mal-qima tagħhom “u dawn ir-rappreżentazzjonijiet kienu onorati, jingħataw riverenza, u jiġu meqjumin.” * Bħala eżempji, din l-enċiklopedija ssemmi l-għadd kbir taʼ tinqix taʼ frott, fjuri, u annimali li sebbħu t-tempju f’Ġerusalemm.—1 Slaten 6:18; 7:36.

X’GĦANDEK TKUN TAF

Għall-kuntrarju taʼ dak li ssostni n-New Catholic Encyclopedia, Lhud leali ma qiemu ebda tinqix jew figuri assoċjati mat-tempju. Infatti, imkien ma naqraw fil-Bibbja dwar xi Iżraeli leali li uża xi xbieha fil-qima.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

“Lil ħadd iktar ma nagħti l-glorja tiegħi,” qal Alla permezz tal-profeta Isaija, “lanqas it-tifħir tiegħi lix-xbihat minquxin.”—Isaija 42:8.

 Il-Kristjani tal-bidu kienu jużaw xbihat fil-qima tagħhom?

“Xi ftehim għandu t-tempju t’Alla maʼ l-idoli? . . . Tibqgħux tmissu dak li mhux nadif.”—2 Korintin 6:16, 17.

“Il-Kristjani bikrin kienu jkunu diżgustati bis-sempliċi ħsieb li jpoġġu x-xbihat fil-knejjes u kienu jqisuha xejn inqas minn idolatrija li jmilu jew jitolbu quddiemhom.”—History of the Christian Church

STQARRIJA KOMUNI

‘L-użu tax-xbihat fil-qima Kristjana bikrija ma jistax jiġi dubitat issa,’ tgħid in-New Catholic Encyclopedia. ‘Il-katakombi Kristjani huma wirja taʼ arti Kristjana bikrija. . . . Anki figuri mitoloġiċi jżejnu l-kmamar qaddisa taʼ qima sagra u dfin.’ *

X’GĦANDEK TKUN TAF

L-eqdem xbihat misjubin f’dawn il-katakombi—passaġġi taħt l-art użati bħala postijiet għad-dfin—imorru lura sat-tielet seklu biss. Dan kien xi 200 sena wara li miet Ġesù. Għalhekk, dak li n-New Catholic Encyclopedia ssejjaħlu “qima Kristjana bikrija” mhuwiex il-qima Kristjana l-iktar bikrija—dik prattikata mid-dixxipli tal-ewwel seklu u dik deskritta fl-Iskrittura Griega Kristjana, spiss magħrufa bħala t-Testment il-Ġdid. Il-fatt li xbihat bħal dawn kienu fil-katakombi sempliċement juri li sat-tielet seklu, Kristjani tal-isem kienu adottaw id-drawwa pagana li jużaw ix-xbihat, aktarx biex jiġbdu nies minn reliġjonijiet oħra. *

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

“Aħarbu mill-idolatrija.”—1 Korintin 10:14.

Għandhom ix-xbihat jintużaw bħala għajnuna fil-qima?

“Ħarsu ruħkom mill-idoli.”—1 Ġwanni 5:21.

Il-qima tax-xbihat hi prattika reliġjuża li m’għandha ebda bażi fil-Bibbja. Għal din ir-raġuni, ix-Xhieda taʼ Ġeħova ma jqimux xbihat, u lanqas m’għandhom xbihat reliġjużi fi djarhom jew fil-postijiet taʼ qima tagħhom.

STQARRIJA KOMUNI

“Ladarba l-qima li tingħata lil xbieha tasal għand il-persuna rappreżentata u tieqaf hemm,” tgħid in-New Catholic Encyclopedia, “l-istess tip taʼ qima li tingħata lill-persuna tistaʼ tingħata lix-xbieha li tirrappreżenta lill-persuna.”

X’GĦANDEK TKUN TAF

Meta Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu kif jitolbu, ma qalilhomx jużaw xbihat. L-idea nfisha li tintuża xbieha fil-qima lill-Alla l-veru ma tinstabx fl-Iskrittura Griega Kristjana.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

“Qim lil Ġeħova Alla tiegħek, u lilu biss agħti servizz sagru.”—Mattew 4:10.

^ par. 7 In-New Catholic Encyclopedia tiddefinixxi l-venerazzjoni bħala “att reliġjuż, att taʼ qima.”

^ par. 13 F’dan il-kuntest, ix-xbihat jinkludu stampi, ikoni, statwi, simboli, u kwalunkwe ħaġa oħra li tiġi meqjuma.

^ par. 14 L-użu tax-xbihat kien komuni f’ħafna kulturi tal-qedem, inkluż dawk tal-Eġittu, tal-Greċja, u tal-Indja.