Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | IŻ-ŻWIEĠ

Kif tista’ ma tibqax iżżomm f’qalbek

Kif tista’ ma tibqax iżżomm f’qalbek

L-ISFIDA

Ma tistax tinsa l-affarijiet ħżiena li s-sieħeb tiegħek qallek jew għamillek. Il-kliem iebes u l-azzjonijiet b’nuqqas taʼ ħsieb tiegħu jibqgħu mnaqqxin f’moħħok u ma tinsihomx kif ġieb u laħaq. B’hekk, fejn qabel kellek affezzjoni lejn żewġek, issa kulma tħoss hu rabja. Jidher li m’għandekx għażla ħlief li tissaporti fi żwieġ bla mħabba. Minħabba dan il-fatt ukoll, tiħodha kontra r-raġel tiegħek.

Ibqaʼ ċert li l-affarijiet jistgħu jmorru għall-aħjar. Imma, l-ewwel, ikkunsidra ftit fatti dwar li tibqaʼ żżomm f’qalbek.

DAK LI GĦANDEK TKUN TAF

Jekk tibqaʼ żżomm f’qalbek, dan ikun taʼ problema u ma jħallix iż-żwieġ tiegħek jibqaʼ miexi ’l quddiem

Jekk tibqaʼ żżomm f’qalbek, dan jistaʼ jkisser iż-żwieġ tiegħek. * Għala? Għax dan idgħajjef il-kwalitajiet li ż-żwieġ għandu jkun mibni fuqhom, fosthom l-imħabba, il-fiduċja, u l-fedeltà. Mela f’ċertu sens, li tibqaʼ żżomm f’qalbek hu problema fiż-żwieġ u mhuwiex sempliċement ir-riżultat taʼ problema li tqum fiż-żwieġ. Għal din ir-raġuni tajba, il-Bibbja tgħid: “Ħa jitwarrab minnkom kull imrar malizzjuż.”—Efesin 4:31.

Jekk tibqaʼ żżomm f’qalbek, int se tbati. Meta żżomm f’qalbek, tkun bħallikieku qed issawwat lilek innifsek u tippretendi li l-persuna l-oħra tweġġaʼ. “Il-membru tal-familja li int irrabjat għalih jistaʼ jkun li qed iħossu tajjeb u baqaʼ għaddej b’ħajtu. Forsi lanqas biss qed tinkwetah xejn din il-ħaġa,” jikteb Mark Sichel fil-ktieb tiegħu Healing From Family Rifts. Fl-aħħar mill-aħħar, “li tibqaʼ rrabjat jistaʼ jkun t’iktar uġigħ għalik milli għall-persuna li int irrabjat għaliha,” jgħid Sichel.

Meta żżomm f’qalbek, tkun bħallikieku qed issawwat lilek innifsek u tippretendi li l-persuna l-oħra tweġġaʼ

Hi għażla tiegħek jekk iżżommx f’qalbek jew le. Xi wħud għandhom mnejn jiddubitaw dan. Jistaʼ jkun li jgħidu, ‘Żewġi ġabni hekk.’ Il-problema hi li jekk taħsibha b’dan il-mod, tkun qed tħalli l-azzjonijiet taʼ ħaddieħor jeffettwaw il-mod taʼ kif tħossok. Il-Bibbja tagħtina għażla oħra billi tgħid: “Kull wieħed ħa jagħti prova taʼ x’inhu għemilu.” (Galatin 6:4) Ma nistgħux nikkontrollaw dak li ħaddieħor jgħid  jew jagħmel, imma nistgħu nikkontrollaw kif naġixxu dwar is-sitwazzjoni. Minflok ma żżomm f’qalbek, int tistaʼ tagħmel xi ħaġa oħra.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Kun responsabbli tal-azzjonijiet tiegħek. M’għandniex xi ngħidu, huwa faċli li titfaʼ l-ħtija fuq ir-raġel tiegħek. Imma tinsiex, hi l-għażla tiegħek jekk tibqax iżżomm f’qalbek jew le. L-istess nistgħu ngħidu dwar li taħfer. Tistaʼ tagħżel li ssegwi t-twissija tal-Bibbja: “Tħallux ix-xemx tinżel waqt li tkunu għadkom inkorlati.” (Efesin 4:26) Jekk tkun lesta li taħfer, dan se jgħin biex ikollok attitudni aħjar meta tiġi biex tittratta mal-problemi fiż-żwieġ.—Prinċipju Bibliku: Kolossin 3:13.

Eżamina lilek innifsek b’mod onest. Il-Bibbja tammetti li xi wħud ‘għandhom it-tendenza li jinkorlaw u jirrabjaw malajr.’ (Proverbji 29:22) Huwa dan minnu fil-każ tiegħek? Staqsi lilek innifsek: ‘Għandi l-vizzju li nibqaʼ nżomm f’qalbi? Nieħu għalija malajr? Nagħmilhom bi kbar?’ Il-Bibbja tgħid li “dak li jibqaʼ jitkellem dwar kwistjoni qed jifred lil dawk li jafu lil xulxin sew.” (Proverbji 17:9; Ekkleżjasti 7:9) Dan jistaʼ jiġri fiż-żwieġ. Għalhekk, jekk għandek it-tendenza li tibqaʼ żżomm f’qalbek, staqsi lilek innifsek, ‘Nistaʼ nkun iktar paċenzjuża mar-raġel tiegħi?’—Prinċipju Bibliku: 1 Pietru 4:8.

Ara x’inhu l-iktar importanti. Il-Bibbja tgħid li hemm “żmien li toqgħod kwiet u żmien li titkellem.” (Ekkleżjasti 3:7) M’għandniex għalfejn niddiskutu kull ħaġa li ddejjaqna; xi kultant tistaʼ sempliċement ‘titkellem f’qalbek, fis-sodda tiegħek, u tibqaʼ sieket.’ (Salm 4:4) Imma meta jkun hemm bżonn li tiddiskuti xi ħaġa li dejqitek jew weġġgħetek, stenna sakemm tibred. “Meta nħossni mweġġgħa, l-ewwel nipprova nikkalma. Xi drabi, wara nirrealizza li l-ħaġa li dejqitni mhix gravi daqskemm ħsibt, u mbagħad inkun nistaʼ nitkellem b’rispett,” tgħid mara li jisimha Beatriz.—Prinċipju Bibliku: Proverbji 19:11.

Ifhem xi tfisser il-kelma “aħfer.” Fil-Bibbja l-kelma “aħfer” kultant tiġi tradotta minn kelma fil-lingwa oriġinali li tagħti l-idea li tħalli xi ħaġa għaddejja. Għalhekk, li taħfer ma jfissirx li taġixxi daqslikieku ma ġara xejn. Imma tistaʼ sempliċement tfisser li titfagħha wara dahrek. Dan għax tagħraf li jekk tibqaʼ rrabjata jistaʼ jkun taʼ iktar deni fuq saħħtek u ż-żwieġ tiegħek mill-ħaġa li dejqitek infisha.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 7 Għalkemm dan l-artiklu hu indirizzat lin-nisa miżżewġin, il-prinċipji li jiġu diskussi jgħoddu għall-irġiel miżżewġin ukoll.