IL-ĠURATI jivvjaġġaw minn post għal ieħor fi gruppi kbar ħafna. Tant huma kbar dawn il-gruppi li jkun hemm “80 miljun ġurat kull kilometru kwadru.” Imma xorta jirnexxilhom ma jolqtux lil xulxin. Kif?

Ikkunsidra: L-għajnejn tal-ġurat huma magħmulin minn ħafna lentijiet. Wara kull għajn, il-ġurat għandu newron partikulari li hu sensittiv għaċ-ċaqliq (newron hu ċellula mqabbda mas-sistema tan-nervituri). Dan in-newron jissejjaħ il-lobula giant movement detector. Meta ġurat ikun se jaħbat maʼ ġurat ieħor, dawn in-newroni jibagħtu messaġġi lill-ġwienaħ u lis-saqajn, u dan iġiegħel lill-ġurat jaġixxi malajr ħalli ma jaħbatx. Din ir-reazzjoni ssir b’ħeffa kbira—ħames darbiet iktar malajr minn kemm iddum biex itteptep għajnejk.

Imqanqlin minn dak li tgħallmu dwar l-għajnejn u n-newroni tal-ġurati, ix-xjentisti żviluppaw sistema bil-kompjuter. Din is-sistema tagħmilha possibbli biex robot li jiċċaqlaq jinduna b’affarijiet li resqin lejh u jevitahom. Dan jagħmlu mingħajr ma jkollu bżonn affarijiet komplikati, bħal pereżempju r-radar jew l-użu tal-infrared. Ir-riċerkaturi qed jużaw din it-teknoloġija f’mezzi taʼ trasport biex dawn ikollhom sistema effiċjenti li twissihom ħalli jevitaw ħabta. “Hemm ħafna li nistgħu nitgħallmu minn insett sempliċi bħalma hu l-ġurat,” jgħid il-Professur Shigang Yue fl-Università taʼ Lincoln fir-Renju Unit.

Int x’taħseb? In-newroni tal-ġurat li huma sensittivi għaċ-ċaqliq, ġew bl-evoluzzjoni? Jew ġew disinjati?