Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 TITWILA LEJN IL-PASSAT

William Whiston

William Whiston

William Whiston kien xjentist, matematiku, qassis, kittieb taʼ ħafna kotba, u kollega tal-fiżiku u matematiku Ingliż Sir Isaac Newton. Fis-sena 1702, Whiston laħaq minflok Newton bħala l-Lucasian Professor of Mathematics fl-Università taʼ Cambridge, l-Ingilterra. Uħud mill-iktar nies intelliġenti fix-xjenza u t-teknoloġija kellhom din il-pożizzjoni.

WHISTON hu magħruf ukoll, speċjalment minn studenti tal-Bibbja, għat-traduzzjoni tiegħu għall-Ingliż tal-kitbiet tal-istorjografu Lhudi tal-ewwel seklu Ġużeppi Flavju. Il-ktieb The Works of Josephus jagħti ħafna informazzjoni dwar l-istorja tal-Lhud u d-dinja tal-Kristjani tal-bidu.

IT-TWEMMIN TAʼ WHISTON

Whiston uża l-intellett fin li kellu f’ħafna suġġetti, speċjalment fix-xjenza u r-reliġjon. Hu kien jemmen li r-rakkont Bibliku tal-ħolqien hu eżatt u li d-disinn, l-eleganza, u l-ordni evidenti fin-natura jippontaw lejn Arkitett divin.

Iżjed minn hekk, Whiston kien jemmen li l-knejjes tal-Kristjaneżmu kienu nqasmu f’ħafna denominazzjonijiet minħabba li l-kleru kien żvija mill-Bibbja u pprefera t-tagħlim mhux Bibliku u t-tradizzjonijiet tal-kunsilli tal-knisja u tal-hekk imsejħin Missirijiet il-Knisja.

Peress li Whiston irrikonoxxa l-Bibbja bħala ktieb taʼ verità spiritwali, m’aċċettax l-idea taʼ tbatija għal dejjem fin-nar tal-infern. Din l-idea qiesha bla raġuni u kiefra, kif ukoll insult lil Alla. Però, dak li dwaru speċjalment kellu xi jgħid mal-awtoritajiet tal-knisja kien il-fatt li m’aċċettax it-Trinità, liema duttrina tgħid li f’Alla hemm tliet persuni kougwali u koeterni—il-Missier, l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu. Madankollu, jintqal li mhux tlieta hemm allat, imma wieħed.

 “MINN AKKADEMIKU MAGĦRUF ĠIE RAĠEL IMKEĊĊI”

Wara riċerka bir-reqqa, Whiston ikkonkluda li t-Trinità ma kinitx mgħallma mill-Kristjani tal-bidu imma ġiet adottata iktar tard meta l-filosofija pagana bdiet dieħla fil-Kristjanità. * Sħabu wissewh dwar il-perikli li jippubblika dak li sab, imma Whiston ma setax jinjora dak li emmen li kienet rappreżentazzjoni ħażina tan-natura vera taʼ Ġesù bħala l-Iben t’Alla u esseri maħluq.

L-Università taʼ Cambridge kienet tipprojbixxi lil kull min kien jgħallem ideat kuntrarju għad-duttrina Anglikana milli jkollu kariga magħha, u dan kien ifisser li Whiston setaʼ jitlef l-impjieg tiegħu. Madankollu, hu ma baqax sieket—għall-kuntrarju taʼ Newton, li wkoll qies it-tagħlim tat-Trinità bħala falz imma li żamm lura milli jesprimi t-twemmin tiegħu. Whiston kiteb: “L-ebda qawwa fid-dinja . . . mhi se tbeżżagħni.”

Minħabba li Whiston ma riedx jikkomprometti t-twemmin tiegħu, “minn akkademiku magħruf ġie raġel imkeċċi”

Fl-1710, Whiston tkeċċa mill-università. Minħabba li ma riedx jikkomprometti t-twemmin tiegħu, “minn akkademiku magħruf ġie raġel imkeċċi.” Lanqas wara dan ma ġie mbeżżaʼ. Fil-fatt, waqt li kienu qed jakkużawh bl-ereżija, hu kiteb serje taʼ komponimenti msejħin Primitive Christianity Revived (Il-Kristjanità Primittiva Terġaʼ Tieħu l-Ħajja)—il-kelma “primittiva” tfisser il-Kristjanità oriġinali, dik li pprattikaw is-segwaċi bikrin taʼ Ġesù. Iktar tard, Whiston waqqaf is-Society for Promoting Primitive Christianity (Soċjetà Biex Tippromwovi l-Kristjanità Primittiva), li ltaqgħet fid-dar tiegħu f’Londra.

Għalkemm tilef il-kariga fl-università u għal xi żmien sofra finanzjarjament, Whiston kompla jikteb u jgħallem fi ħwienet tal-kafè f’Londra. Fl-1737, biex jgħin lin-nies jifhmu kif kienet il-ħajja fil-bidu tal-Kristjanità, hu ppubblika t-traduzzjoni tiegħu tal-kitbiet taʼ Ġużeppi Flavju. Ma waqfitx tiġi stampata minn dak iż-żmien ’l hawn.

Minħabba l-waqfa kuraġġuża imma mhux popolari tiegħu, illum Whiston hu meqjus minn ħafna nies bħala “bniedem stramb,” jgħid l-awtur James E. Force. Iżda oħrajn jammirawh bħala studjuż tal-Bibbja, bħala wieħed li bis-sinċerità fittex għall-verità reliġjuża, u bħala raġel determinat biex jgħix skont it-twemmin tiegħu.

^ par. 10 Il-Bibbja titkellem ċar dwar in-natura t’Alla. Għal iktar informazzjoni żur jw.org/mt. Ikklikkja fuq TAGĦLIM TAL-BIBBJA > MISTOQSIJIET DWAR IL-BIBBJA MWEĠBIN..