L-GĦASAFAR jgħixu f’kull parti tad-dinja, u huma fost l-iktar ħlejjaq faċli biex tosservahom. Iktar minn hekk, il-varjetà fl-għamla, kulur, għana, aġir, u drawwiet tagħhom tistaʼ tagħmel l-osservazzjoni tal-għasafar passatemp divertenti u premjanti.

Sultan l-isponsuni

Tistaʼ anke tosserva r-rutina taʼ kuljum t’għasfur mit-tieqa tal-kċina tiegħek: xi malvizz iswed iħaffer għad-dud, żanżarell jikkaċċja l-insetti, gamiema tinnamra maʼ seħibha, ħuttafa tibni bla heda l-bejta tagħha, jew gardell jitmaʼ l-frieħ imġewħin tiegħu.

Farawna

Xi għasafar jimpressjonawk—bħal xi ajkla, bies, jew seqer—hekk kif jittajru fis-smewwiet. Oħrajn jistgħu jiġbdulek l-attenzjoni: għasafar tal-bejt jiġġieldu għal nitfa ikel, ħamiemu jippoppa sidru biex jimpressjona ħamiema li milli jidher hi indifferenti lejh, jew grupp taʼ pappagalli roża bil-griż (galahs) jiddendlu rashom ’l isfel iwerżqu fuq wajer tad-dawl li jitbandal ’l hemm u ’l hawn minħabba li jkunu tilfu l-bilanċ. U timmeravilja ruħek meta tara xi qatgħa ċikonji, graw, jew wiżż ipassu.  Tabilħaqq, pases bħal dawn ġew osservati għal eluf taʼ snin, u ħallew lil dawk li jarawhom imbellhin bl-abbiltà li għandhom l-għasafar biex jivvjaġġaw għal distanzi twal bi preċiżjoni kbira. Infatti, il-Ħallieq innifsu qal: “Iċ-ċikonja fis-smewwiet taf meta jkun żmienha; il-gamiema, ir-rundun, u l-bulbul iħarsu ż-żmien meta għandhom jiġu.”—Ġeremija 8:7.

L-osservazzjoni tal-għasafar fi żminijiet Bibliċi

Il-Bibbja tagħmel ħafna referenzi għall-għasafar, spiss biex tgħallem lezzjonijiet taʼ valur. Pereżempju, rigward in-nagħma u l-veloċità inkredibbli tagħha, Alla qal lil raġel jismu Ġob: “X’ħin tferfer ġwinħajha fl-għoli, tidħaq biż-żiemel u bir-rikkieb tiegħu.” * (Ġob 39:13, 18) Ukoll, Alla staqsa lil Ġob: “Huwa minħabba l-abbiltà tiegħek li tifhem li l-falkun jibqaʼ tielaʼ ’l fuq, . . . jew hu bl-ordni tiegħek li ajkla ttir ’il fuq?” (Ġob 39:26, 27) It-tagħlima? L-għasafar jagħmlu l-għeġubijiet tagħhom mingħajr l-għajnuna tagħna. L-abbiltajiet tagħhom jixhdu l-għerf t’Alla, mhux tagħna.

Is-Sultan Salamun kiteb dwar “leħen il-gamiema,” li jħabbar il-miġja tar-rebbiegħa. (L-Għanja taʼ Salamun 2:12) Salmista semma l-ħuttafa meta kien qed jikteb dwar ix-xenqa tiegħu biex jaqdi fit-tempju t’Alla. Kemxejn għajjur, qal: “Anki l-għasfur sab dar, u l-ħuttafa sabet bejta għaliha, fejn poġġiet iż-żgħar tagħha—l-artal grandjuż tiegħek, O Ġeħova.”—Salm 84:1-3.

“Missierkom tas-sema xorta waħda jitmagħhom. Ma tiswewx intom iktar minnhom?”—Mattew 6:26

Uħud mill-isbaħ referenzi għall-għasafar għamilhom Ġesù Kristu. Ikkunsidra dan il-kliem misjub f’Mattew 6:26: “Osservaw bir-reqqa l-għasafar tas-sema, għax huma la jiżirgħu, la jaħsdu, u lanqas jiġbru fl-imħażen; imma Missierkom tas-sema xorta waħda jitmagħhom. Ma tiswewx intom iktar minnhom?” Din it-tixbiha li tmiss il-qalb tagħti assiguranza lis-segwaċi taʼ Ġesù li huma prezzjużi għal Alla u li qatt m’għandhom għalfejn jinkwetaw dwar li jiksbu n-neċessitajiet tal-ħajja.—Mattew 6:31-33.

Illum, l-osservazzjoni tal-għasafar hi passatemp popolari—u tistaʼ tifhem il-għala, għax l-għasafar jimmeraviljawna bil-praspar, sbuħija, ritwali tan-namrar, u l-għana tagħhom. Iktar minn hekk, jistgħu wkoll jgħallmu lill-osservatur attent lezzjonijiet taʼ valur dwar il-ħajja. Int se ‘tosserva bir-reqqa l-għasafar’?

^ par. 6 In-nagħma hi l-ikbar għasfur li jeżisti llum, u hi l-iktar wieħed li jiġri. F’distanzi qosra kapaċi tilħaq veloċità taʼ xi 72 kilometru fis-siegħa.