Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI

In-nies kif jistgħu jagħmlu paċi?

In-nies kif jistgħu jagħmlu paċi?

Frank u Jerry kienu ġirien tajbin—sakemm Jerry għamel party tard billejl. * Meta Frank ilmenta dwar l-istorbju, Jerry ħa għalih minħabba l-mod kif qallu. Huma tlewmu. Wara dan evitaw lil xulxin.

FRANK u Jerry ffaċċjaw problema komuni. Meta tnejn min-nies ikollhom xi differenza bejniethom, it-tnejn li huma spiss ikunu rrabjati għal xulxin u forsi jwaħħlu f’xulxin. Jekk jibqgħu jżommu fil-komma, il-ħbiberija tagħhom tistaʼ tmur minn taħt.

Forsi int esperjenzajt sitwazzjoni simili. Jekk inhu hekk, aktarx li xejn ma ħadt pjaċir biha! Tabilħaqq, ilkoll kemm aħna rridu ngħixu fil-paċi u fl-armonija mal-ħbieb u l-ġirien tagħna. Iżda kif nistgħu nagħmlu dan—minkejja li kultant ikollna xi nuqqas taʼ qbil? Huwa possibbli li negħlbu attitudni negattiva li jistaʼ jkollna u li naħfru lil oħrajn meta jweġġgħulna s-sentimenti tagħna? Nistgħu nsolvu n-nuqqas taʼ qbil bejnietna mingħajr ma niġġieldu?

Ikkunsidra s-sitwazzjoni taʼ Frank u Jerry. Bażikament, il-ħbiberija tagħhom bdiet tbatti meta ħadu xi passi ħżiena: (1) Jerry ma kienx ħaseb f’ħaddieħor, (2) Frank wera d-diżapprovazzjoni tiegħu b’manjiera li weġġgħet lil Jerry, (3) it-tnejn li huma rrabjaw, u (4) l-ebda wieħed ma ried iċedi.

Iżda, maż-żmien saru iżjed raġunevoli. Iż-żewġt irġiel insew id-differenzi taʼ bejniethom u għamlu paċi. X’għenhom jirnexxu? Huma applikaw xi prinċipji prattiċi li għenu lil ħafna ħbiberiji oħrajn mhux biss biex jgħaddu minn żminijiet ibsin imma wkoll biex isiru saħansitra iktar b’saħħithom wara.

Dawn il-prinċipji jinstabu fl-iktar ktieb ippubblikat fid-dinja—il-Bibbja. Din tinkuraġġina nikkultivaw kwalitajiet li jippromwovu l-paċi u nfejqu feriti emozzjonali—kwalitajiet bħalma huma d-dixxerniment, id-dehen, il-qalb tajba, l-imħabba, u l-paċenzja.—Proverbji 14:29; 1 Korintin 13:4, 5.

 Frank u Jerry huma biss żewġ eżempji tal-qawwa li għandha l-Bibbja biex tbiddel il-ħajjiet għall-aħjar. Hemm ħafna iżjed eżempji, inkluż dawk taʼ nies li għelbu karatteristiki negattivi li kellhom. Pereżempju, Robert, li jgħix l-Awstralja, għeleb rabja kbira. Nelson, f’Timor-Leste, warrab mibegħda li kien ilu jħoss żmien twil u sar ħabib tal-qalb maʼ wieħed li qabel kien għadu tiegħu. Il-Bibbja kif għenet lil Robert u lil Nelson? Stenbaħ! intervistahom biex isir jaf.

INTERVISTA 1

ROBERT, għidilna xi ħaġa dwarek.

Jien trabbejt f’dar nieqsa mill-ferħ. Pereżempju, lil missieri kienu jitilgħulu malajr u spiss kien isawwatni. Saħansitra xi drabi ħariġli d-demm u tilifni minn sensija. B’hekk, sirt dejjem iktar irrabjat u vjolenti. Fl-adoloxxenza, qattajt sentejn f’riformatorju. Iktar tard ħebbejt għal xi ħadd bl-aħrax u spiċċajt f’ħabs tal-ogħla sigurtà. Meta fl-aħħar ħriġt, mort ngħix l-Awstralja, bit-tama li nibda ħajja ġdida.

Robert kien bniedem irrabjat u vjolenti u anke qattaʼ xi żmien il-ħabs

Din iċ-ċaqliqa għenitek tbiddel ħajtek?

Pjuttost kien l-istudju tiegħi tal-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova li biddilni iktar milli ċ-ċaqliqa. Xorta waħda ssilitt biex nikkontrolla t-tempra u spiss ħassejtni frustrat u ma niswa għal xejn. Imbagħad darba ħsibt dwar Proverbji 19:11, li jgħid: “Id-dehen taʼ bniedem itaffilu r-rabja tiegħu, u hija ħaġa sabiħa min-naħa tiegħu li jħalli nuqqas għaddej.” Ħerqan biex niżviluppa dehen bħal dan, bdejt naħseb dwar x’hemm wara s-sentimenti, il-kliem, u l-azzjonijiet tagħna. Imbagħad, bil-mod il-mod bdejt nifhem lil ħaddieħor, naħfer, u nsir paċenzjuż.

Tistaʼ tagħtina eżempju?

Darba bla ħsieb iddiżappuntajt ħabib, u b’rabja ċanfarni quddiem oħrajn. Biex ma nsemmi xejn, kisirni! Imma ftakart fil-parir tal-Bibbja: “Troddu lil ħadd ħsara bi ħsara,” u fil-pront tlabtu skuża. (Rumani 12:17) Meta kkalma, avviċinajtu waħdu u sirt naf li kien qed jissielet bi problemi fil-familja. Għamilna paċi, u iktar tard tani kowt sabiħ bħala rigal. Taqbadni dehxa meta naħseb x’kien jiġri kieku meta ġejt umiljat irreaġixxejt bir-rabja bħalma kont nagħmel qabel.

Kif tittratta l-problemi fil-familja?

Jien u marti għandna tifel t’20 sena, u bħal kull familja oħra jkollna nuqqas taʼ qbil. Imma tgħallimt ħafna mill-Bibbja, inkluż l-importanza taʼ li tgħid, “Jiddispjaċini.” Tiskanta kif, meta tgħidha bis-sinċerità, din il-kelma tistaʼ tberred jew titfi n-nar.

 INTERVISTA 2

NELSON, għandek tbissima ħelwa u tidher dħuli. Però kien hemm żmien meta kont mimli mibegħda. Hekk hu?

Iva! Bħala raġel żagħżugħ, ingħaqadt maʼ grupp politiku li kien qed jiggwerra kontra l-gvern. Ukoll, kont nobgħod lill-partit politiku rivali li kien qed jikkompeti għall-kontroll fid-distrett tiegħi. Biex inkun ġellied aħjar, tgħallimt l-arti marzjali, u mbagħad kont nagħti xebgħa lil kull min kien jirfisli l-kallu.

Bħala raġel żagħżugħ, Nelson ingħaqad maʼ grupp politiku tal-oppożizzjoni

Xi mmotivak tinbidel?

Bdejt nistudja l-Bibbja u napplika t-tagħlim tagħha, u żewġ tagħlimiet li ħadt messewli qalbi b’mod speċjali. L-ewwel waħda tgħid: “Kulma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll.” (Mattew 7:12) It-tieni tgħid: “Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” (Mattew 22:39) Rajt li x-Xhieda, li għallmuni l-Bibbja, urew dik it-tip taʼ mħabba, kien x’kien l-isfond razzjali jew etniku tagħhom. Jien ridt inkun bħalhom. Milli jidher irnexxieli, għax in-nies li kienu jafuni baqgħu mistagħġbin u fi ftit żmien ma baqgħux jibżgħu minni.

Qatt erġajt lura għal li kont?

Mhux fil-pubbliku. Imma kultant kont inbati biex nikkontrolla t-tempra d-dar. Infatti, darba rrabjajt u sawwatt lil marti, u taʼ dan jiddispjaċini għall-aħħar. Madankollu, b’qalb tajba ħafritli, u dan wassal biex inkun iktar determinat li nikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħi.

Inti għedt li n-nies ma baqgħux jibżgħu minnek. Tistaʼ tagħtina eżempju?

Iva. Darba ltqajt maʼ membru prominenti tal-grupp politiku rivali li semmejt qabel, raġel jismu Augusto. Għall-ewwel, żamm lura. Imma jien sellimtlu bil-ħlewwa, issuġġerejtlu li ninsew id-differenzi taʼ bejnietna, u stidintu d-dar. Hu aċċetta l-offerta tiegħi u baqaʼ skantat bil-bidliet li kont għamilt—tant hu hekk li hu wkoll beda jistudja l-Bibbja. Issa jien u Augusto m’aħniex biss ħbieb tal-qalb imma wkoll aħwa spiritwali.

 “Żommu l-paċi mal-bnedmin kollha”

Il-kaġuni tal-konflitti huma kkomplikati u varjati, u mhux kulħadd hu lest li jaċċetta l-isforzi tiegħek biex tagħmel paċi. Għalhekk, il-Bibbja tagħti dan il-parir realistiku: “Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-paċi mal-bnedmin kollha.”—Rumani 12:18.

In-nies imsemmijin f’dan l-artiklu jixhdu li l-għerf misjub fil-Bibbja veru jaħdem—li meta nippermettulu jkollu l-qawwa jegħleb saħansitra attitudnijiet negattivi “li jkunu stabbiliti fis-sod.” (2 Korintin 10:4) Rigward dan l-għerf, Proverbji 3:17, 18 jgħid: “Triqatu huma triqat pjaċevoli, u mogħdijietu kollha huma paċi. Huwa siġra tal-ħajja għal dawk li jaqbdu miegħu, u dawk li jibqgħu jżommuh sod jissejħu henjin.”

Nelson u Augusto issa huma ħbieb tal-qalb

Int trid tkun iktar ferħan u paċifiku? Tixxennaq int għal ħbiberiji li ma jispiċċawx meta jgħaddu minn provi? Jekk inhu hekk, m’intix se tkun diżappuntat jekk tħalli l-Bibbja tmexxik.

^ par. 3 L-ismijiet ġew mibdulin.