Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | IT-TROBBIJA TAT-TFAL

Kif tgħid le

Kif tgħid le

L-ISFIDA

Ibnek jibqaʼ jinsisti li tagħtih dak li jrid. Kull meta tgħid le, ir-reazzjoni ribelluża tiegħu * tkun għoddha tellfitlek il-paċenzja kollha. Tgħidlu x’tgħidlu ma jikkalmahx, u eventwalment tħoss li ma jkollok l-ebda għażla ħlief li ċċedilu. Minħabba li għejejt tgħidlu le, għal darb’oħra kontra qalbek tgħidlu iva.

Int tistaʼ titgħallem kif ma ċċedix. Iżda, l-ewwel ikkunsidra xi fatturi dwar li tgħid le.

X’GĦANDEK TKUN TAF

Ma tkunx kattiv jekk tgħid le. Xi ġenituri ma jaqblux maʼ dan, u forsi jirraġunaw li għandek tirraġuna mat-tifel, tispjega ruħek, jew saħansitra tiddiskuti miegħu. Imma jħeġġuk biex ma tgħidx le, għax jibżgħu li ġġiegħel lil ibnek iħossu offiż.

Veru, il-kelma “le” tistaʼ għall-ewwel tiddiżappuntah lil ibnek. Madankollu tgħallmu lezzjoni vitali—li fid-dinja, hemm limiti sa fejn in-nies jistgħu jaslu. Mill-banda l-oħra, jekk iċċedilu, iddgħajjef l-awtorità tiegħek u tgħallem lil ibnek iġibek fejn irid hu billi joqgħod jeqred kull meta jkun irid xi ħaġa. Maż-żmien, ir-reazzjoni tiegħek tistaʼ ġġiegħlu jistmerrek. Wara kollox, tifel kemm jistaʼ jirrispetta ġenitur li faċli jiġi mmanipulat?

Meta tgħid le, tkun qed tipprepara lil ibnek biex ikun adoloxxent u adult. Tkun qed tgħallmu l-benefiċċji taʼ li jċaħħad lilu nnifsu. Tifel li jitgħallem din il-lezzjoni taʼ valur aktarx iżomm iżjed sod fl-adoloxxenza meta jiffaċċja l-pressjoni biex jieħu d-drogi jew li jagħmel is-sess qabel iż-żwieġ.

Ukoll, meta tgħid le, tkun qed tħarreġ tifel biex ikun adult. “Fil-verità, aħna [l-adulti] mhux dejjem ikollna kull ma rridu,” jikteb Dr. David Walsh. “Ma nkunu qed nagħmlu l-ebda favur lil uliedna meta ngħallmuhom li d-dinja dejjem se tagħtihom kull ma jkunu jridu.” *

 DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Iffoka fuq il-mira tiegħek. Int trid lil ibnek ikun adult kompetenti, matur emozzjonalment, u taʼ suċċess. Imma jekk tagħtih kull ma jrid, tkun qed taħdem kontra dik il-mira. Il-Bibbja tgħid li jekk ‘xi ħadd jiġi mfissed minn mindu jkun għadu żgħir, iktar tard fil-ħajja dan se jsir ingrat.’ (Proverbji 29:21) Għalhekk, li tgħid le huwa parti minn dixxiplina effettiva. Taħriġ bħal dan se jgħinu lil ibnek, mhux iweġġgħu.—Prinċipju Bibliku: Proverbji 19:18.

Kun sod meta tgħid le. Ibnek iżgħar minnek. Mela m’hemmx għalfejn toqgħod tiddibatti miegħu jekk tgħidx le bħallikieku għandek bżonn l-approvazzjoni tiegħu. Ovvjament, hekk kif it-tfal jikbru, jeħtieġ li jkollhom “is-sensi tagħhom imħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin.” (Ebrej 5:14) Għalhekk, ma jkunx ħażin li tirraġuna mat-tfal. Madankollu, toqgħodx tidħol fi kwistjonijiet bla tmiem maʼ tfal żgħar dwar għala għedt le. Iktar ma tikkustinja maʼ ibnek, iktar il-le tiegħek se tinstemaʼ qisha mistoqsija milli deċiżjoni.—Prinċipju Bibliku: Efesin 6:1.

Żomm mad-deċiżjoni li ħadt. Ibnek għandu mnejn jara jekk intix verament se żżomm kelmtek billi joqgħod jeqred. Jekk dan jiġri meta tkunu d-dar, x’tistaʼ tagħmel? “Infired minn mat-tifel,” jgħid il-ktieb Loving Without Spoiling. “Għidlu, ‘Jekk għandek aptit toqgħod teqred, mhux problema, imma jien ma rridx nisimgħek. Mur f’kamartek. Tistaʼ toqgħod teqred hemmhekk sakemm jgħaddilek.’” Għall-ewwel, jistaʼ jkun diffiċli għalik iżżomm sod b’dan il-mod—u biex it-tifel jaċċetta. Imma r-reżistenza tiegħu aktarx tonqos meta jirrealizza li mhux se tbiddel fehmtek.—Prinċipju Bibliku: Ġakbu 5:12.

Tgħidx le biex sempliċement tuża l-awtorità li għandek bħala ġenitur

Kun raġunevoli. M’għandekx tgħid le biex sempliċement tuża l-awtorità li għandek bħala ġenitur. Minflok, ‘ħa jkun jaf kulħadd kemm int raġunevoli.’ (Filippin 4:5) Hemm drabi li tistaʼ tgħidlu iva lil ibnek—sakemm ma tkunx qed iċċedi għall-qrid tiegħu u dak li jitolbok ibnek ikun xieraq.—Prinċipju Bibliku: Kolossin 3:21.

^ par. 4 Biex ma nikkomplikawx l-affarijiet, nirreferu għall-ulied fil-maskil. Però, il-prinċipji diskussi japplikaw kemm għas-subien kif ukoll għall-bniet.

^ par. 10 Mill-ktieb No: Why Kids—of All Ages—Need to Hear It and Ways Parents Can Say It.