Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 ĠIE DISINJAT?

Il-ġewnaħ tal-farfett li jassorbi d-dawl

Il-ġewnaħ tal-farfett li jassorbi d-dawl

SABIEX inaqqsu d-dipendenza tal-umanità fuq il-faħam u ż-żejt, ix-xjentisti huma ħerqanin biex itejbu l-effiċjenza li biha l-pannelli solari jassorbu d-dawl. “Is-soluzzjoni taʼ din il-problema,” qal wieħed xjentist, “setgħet kienet qed . . . tittajjar quddiem għajnejna.”

Il-qxur fuq ġewnaħ il-farfett fih toqob f’għamla taʼ xehda tal-għasel

Ikkunsidra: Biex iżommu lilhom infushom sħan f’temp kiesaħ, il-friefet jiftħu ġwinħajhom fix-xemx. Il-ġwienaħ taʼ xi speċi taʼ friefet tal-bużbież huma effiċjenti b’mod straordinarju f’li jaqbdu u jassorbu d-dawl tax-xemx. Is-sigriet tal-insett qiegħed mhux biss fil-kulur skur li għandu imma wkoll fl-istruttura tal-qxur mikroskopiku mrikkeb fuq xulxin li jiksi ġwinħajh. Il-qxur fih ringieli taʼ toqob f’għamla taʼ xehda tal-għasel separati bi xfar forma taʼ V bil-maqlub li jidderieġu d-dawl għal ġot-toqob. Din l-istruttura magħmula bis-sengħa taqbad id-dawl tax-xemx li jidħol fiha. Dan jagħmel lill-ġwienaħ suwed skuri, u b’hekk il-farfett jisħon b’effiċjenza liema bħalha.

“Il-ġwienaħ tal-friefet huma fost l-iktar strutturi delikati fin-natura,” jgħid Science Daily, “imma taw lir-riċerkaturi ispirazzjoni qawwija għal teknoloġija ġdida li tirdoppja l-produzzjoni tal-gass idroġenu—fjuwil li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent—mill-ilma u d-dawl tax-xemx.” Użu promettenti ieħor jinkludi strumenti tal-ottika u apparat li jipproduċi l-elettriku mir-raġġi tax-xemx.

Int x’taħseb? Id-disinn li jassorbi d-dawl tal-ġewnaħ tal-farfett ġie bl-evoluzzjoni? Jew ġie disinjat?