Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 ĠIE DISINJAT?

Żrinġ b’sistema riproduttiva affaxxinanti

Żrinġ b’sistema riproduttiva affaxxinanti

IŻ-ŻRINĠ Awstraljan magħruf bħala l-gastric brooding frog, li hu maħsub li ilu estint mill-2002, kellu sistema riproduttiva tassew stramba. Il-mara kienet tibla’ l-bajd fertilizzat tagħha u żżommu sħun fl-istonku għal madwar sitt ġimgħat. Imbagħad, iż-żgħar tagħha kienu joħorġu minn ħalqha, diġà fformati bħala żrinġijiet.

Sabiex il-bajd ma jiġix iddiġerut, kien neċessarju li l-omm mhux biss tieqaf tiekol imma wkoll tieqaf tipproduċi l-aċtu li jkun hemm fl-istonku. Milli jidher, xi kimiki li joħorġu mill-bajd u miż-żrinġijiet li jkunu għadhom kemm faqqsu kienu jwaqqfu l-produzzjoni tal-aċtu.

L-omm ikollha xi 24 bajda. Sakemm kienet tasal biex tiled, li kieku kellek tiżinha, kważi 40 fil-mija tal-piż ta’ ġisimha fil-fatt ikun taż-żgħar tagħha. Dan qisna qed ngħidu li mara li tiżen 68 kilogramma qabel ma tinqabad tqila, tiżdied kważi 44 kilogramma matul it-tqala minħabba li jkollha 24 tarbija li kull waħda tiżen 1.8 kilogramma! Iż-żrinġijiet iż-żgħar iwessgħu l-istonku tal-omm sal-punt li ma tkunx tista’ tieħu nifs mill-pulmun. Ikollha bilfors tieħu nifs mill-ġilda.

Normalment, iż-żrinġijiet iż-żgħar kienu joħorġu minn ħalq l-omm f’perijodu ta’ ftit ġranet xħin jifformaw. Imma jekk l-omm kienet tħoss li hi fil-periklu, kienet tiled billi taqla’ jew tirremetti liż-żgħar ’il barra. Riċerkaturi darba raw żrinġ jaqla’ sitt żrinġijiet żgħar f’daqqa, b’tant saħħa li sparaw xi metru fl-ajru.

Jekk, bħalma jsostnu xi wħud, din is-sistema riproduttiva evolviet, dan iż-żrinġ kieku kien ikollu jagħmel bidliet kbar u f’daqqa kemm fil-mod kif inhu magħmul kif ukoll fl-imġiba tiegħu. Ix-xjentist Michael J. Tyler, li jemmen fl-evoluzzjoni, kiteb hekk: “Ma jagħmel l-ebda sens li saru bidliet żgħar u bil-mod fis-sistema riproduttiva taż-żrinġ.” Kompla jispjega li, biex tkun effettiva, din is-sistema trid tkun tajba mill-ewwel, għax kieku l-bidliet saru bil-mod il-mod il-bajd kien imut minħabba l-aċtu fl-istonku. Tyler jgħid li l-unika spjegazzjoni li tagħmel sens hi li minflok ħafna bidliet żgħar, jew passi żgħar, kien hemm “pass wieħed kbir ħafna.” Xi wħud jgħidu li dan il-pass kbir jissejjaħ il-ħolqien. *

Int x’taħseb? Is-sistema riproduttiva tal-gastric brooding frog ġiet bl-evoluzzjoni? Jew kienet disinjata?

^ par. 7 Fil-ktieb tiegħu Origin of Species, Charles Darwin qal: “Is-selezzjoni naturali [jew il-proċess tal-evoluzzjoni] taħdem biss billi jsiru għadd ta’ bidliet waħda wara l-oħra; qatt ma ssir permezz ta’ . . . bidla kbira f’daqqa.”