Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 INTERVISTA | WENLONG HE

Xjentist tal-fiżika jispjega għala għandu fidi f’Alla

Xjentist tal-fiżika jispjega għala għandu fidi f’Alla

WENLONG HE beda jistudja l-fiżika f’Suzhou, il-Provinċja ta’ Jiangsu, iċ-Ċina. Hu jgħin f’li ssir rivista internazzjonali dwar it-teknoloġija u kiteb ħafna artikli li ġew ippubblikati f’letteratura dwar ix-xjenza. Bħalissa, Wenlong He jaħdem għall-Università ta’ Strathclyde fl-Iskozja. Bħala żagħżugħ, hu kien jemmen fl-evoluzzjoni, imma maż-żmien wasal għall-konklużjoni li l-ħajja ġiet maħluqa. Stenbaħ! saqsieh dwar il-fidi tiegħu f’Alla.

Għidilna dwar it-trobbija tiegħek.

Twelidt fl-1963 u trabbejt iċ-Ċina, f’raħal fin-Nofsinhar tax-Xmara Yangtze fil-Provinċja ta’ Jiangsu. Din l-akkwata tinsab qrib reġjuni tropikali u hi famuża għall-produzzjoni tal-ikel, allura spiss tiġi msejħa l-art tar-ross u l-ħut. Bħala tifel, kont ngħid bejni u bejn ruħi: ‘Għala n-natura tagħmel ħafna ikel b’togħma tajba? Dan ġie b’kumbinazzjoni? Liema ġiet l-ewwel—it-tiġieġa jew il-bajda?’ Il-maġġoranza taċ-Ċiniżi huma atei, u b’hekk l-iskola ġejt mgħallem dwar l-evoluzzjoni.

X’tista’ tgħidilna dwar il-familja tiegħek?

Il-ġenituri tiegħi kienu atei. Ommi kienet taħdem ir-raba’, u missieri kellu kumpanija tal-kostruzzjoni. Jien l-ikbar tifel mill-ħames subien tagħhom. B’dispjaċir, tnejn minn ħuti s-subien mietu żgħar. Dan qabbadni dwejjaq kbar, u għaddewli minn moħħi dawn il-mistoqsijiet: ‘In-nies għala jmutu? Qatt se nerġa’ nara lil ħuti?’

Għala studjajt il-fiżika?

Ridt nistudja l-fiżika minħabba li kelli kurżità kbira dwar in-natura u ħsibt li forsi l-fiżika tista’ twiġibli l-mistoqsijiet li kont ilni nhewden fuqhom minn mindu kont żgħir.

Ir-riċerka tiegħek fiex tispeċjalizza?

Jien infittex modi kif nagħmel il-partiċelli ċċarġjati jiċċaqalqu  kważi daqs il-veloċità tad-dawl. Nagħmel dan biex nistudja l-għamla tal-atomi. Infittex ukoll modi ta’ kif tiġi ġġenerata radjazzjoni qawwija. Għalkemm ir-riċerka tiegħi trendi l-flus, tgħin ukoll fl-istudju li qed isir dwar kif inbeda l-univers.

Kif bdejt tinteressa ruħek fil-Bibbja?

Fl-1998, ġew għandi tnejn mix-Xhieda ta’ Ġeħova. Offrew li juruni mill-Bibbja t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li kelli. Marti Huabi, li hi riċerkatriċi tax-xjenza wkoll, ingħaqdet magħna. Qatt ma konna rajna Bibbja qabel dan, imma bqajna impressjonati bil-pariri prattiċi li tagħti. Innotajna kif il-koppja li kienu qed iżżurna bbenefikaw billi applikaw il-prinċipji tal-Bibbja. Kienu ferħanin u kienu jieħdu pjaċir b’ħajja mhix komplikata. Imma dak li l-Bibbja tgħid dwar Alla reġa’ ħassibni dwar jekk l-univers setax ġie maħluq. Peress li studjajt il-fiżika, xogħli hu li nifhem kif taħdem in-natura. Allura ddeċidejt li nerġa’ nagħti kas sew x’jgħidu l-fatti.

Peress li studjajt il-fiżika, xogħli hu li nifhem kif taħdem in-natura. Allura ddeċidejt li nerġa’ nagħti kas sew x’jgħidu l-fatti

X’fatti kkunsidrajt?

L-ewwel ħaġa, jien naf li biex grupp t’affarijiet ikunu iktar organizzati u jibqgħu organizzati bilfors irid ikun hemm xi ħadd barra l-grupp biex jieħu ħsieb li jagħmel dan. Dan jissejjaħ it-tieni liġi tat-termodinamika. Ladarba l-univers u l-ħajja fid-dinja huma organizzati tajjeb ħafna, ikkonkludejt li bilfors għamilhom aġent barrani, Ħallieq. It-tieni ħaġa hi li l-univers u l-art jidhru li huma magħmulin speċifikament biex isostnu l-ħajja.

Xi kkonvinċiek li hemm Ħallieq?

Prattikament kull ħliqa li teżisti fuq l-art tiddependi mill-enerġija tax-xemx. Din l-enerġija tasal fuq l-art permezz ta’ radjazzjoni li tgħaddi mill-ispazju. Ir-radjazzjoni tasal f’wavelengths differenti. B’mod tal-għaġeb, l-atmosfera twaqqaf ir-radjazzjonijiet perikolużi u tħalli r-radjazzjonijiet bżonjużi jaslu sal-art.

Dan il-fatt għala impressjonak?

Kont interessat ferm fl-introduzzjoni tar-rakkont tal-ħolqien tal-Bibbja u fir-referenza li tagħti dwar id-dawl. Din tgħid: “Alla qal: ‘Ħa jkun id-dawl.’ U kien hemm id-dawl.” * L-ispettru tar-radjazzjoni tax-xemx hu kbir. Iżda ftit minnu biss nistgħu narawh b’għajnejna għalkemm id-dawl hu essenzjali għal ħajja. Il-pjanti jkollhom bżonn id-dawl biex jipproduċu l-ikel, u aħna għandna bżonn id-dawl biex naraw. Dan żgur li ma sarx b’kumbinazzjoni. Xi ħaġa iktar tal-għaġeb hi l-ammont żgħir ta’ ultravjola li jasal sal-art.

Dan għala hu importanti?

Xi radjazzjoni ultravjola hi bżonjuża. Neħtieġu ftit minn din fuq il-ġilda tagħna biex tipproduċi l-vitamina D, li hi vitali għas-saħħa tal-għadam u milli jidher għall-protezzjoni kontra l-kanċer u mard ieħor. Madankollu, jekk ikollna iktar milli suppost minn din ir-radjazzjoni, din tikkawża kanċer tal-ġilda u katarretti. L-atmosfera oriġinalment kienet magħmula biex tħalli ammont żgħir ta’ radjazzjoni ultravjola jidħol fid-dinja—dan hu l-ammont eżatt li hemm bżonn. Għalija, dan hu evidenza li xi ħadd għamel id-dinja biex issostni l-ħajja.

Maż-żmien, jien u Huabi kkonvinċejna ruħna li hemm Ħallieq u li hu nebbaħ il-Bibbja. Fl-2005, sirna Xhieda ta’ Ġeħova, u issa qed nieħdu sehem f’li ngħallmu l-Bibbja lil oħrajn.