Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | META TGĦADDI MINN TRAĠEDJAKIF TISTA’ TKAMPA?

Meta titlef lil xi maħbub fil-mewt

Meta titlef lil xi maħbub fil-mewt

Ronaldo, mill-Brażil, kien involut f’inċident tat-traffiku li ħa l-ħajja ta’ ħames membri tal-familja tiegħu, inkluż ’l ommu u ’l missieru. Hu qal: “Kont ilni xahrejn l-isptar meta sirt naf li kienu mietu fl-inċident.

“Għall-ewwel, ma stajtx nemmen li kienu ħallewni. Kif jista’ jkun li kollha mietu? Xħin irrealizzajt li dan kien veru, ħassejtni bħallikieku qlajt daqqa ta’ stallett ġo qalbi. Qatt qabel ma ħassejt daqstant uġigħ. Wara li sirt naf, ħassejt li ma kienx hemm skop biex ngħix mingħajrhom. Bkejt kuljum għal xhur sħaħ! Waħħalt fija nnifsi talli ħallejt lil ħaddieħor isuq il-karozza. Mhux li kien kont qed insuq jien, forsi ma kinux imutu.

“Għaddew 16-il sena u rnexxieli nerġa’ lura għar-rutina li kelli. Minkejja dan, il-mewta traġika tagħhom ħalliet vojt kbir f’qalbi li għadni nħoss sal-lum.”

KIF TISTA’ TKAMPA

Iżżommx lura milli turi n-niket tiegħek. Il-Bibbja tgħid li hemm “żmien li tibki.” (Ekkleżjasti 3:1, 4) Ronaldo jgħid: “Kull darba li ħassejtni li rrid nibki, ma kontx inżomm lura milli nagħmel dan. Li nipprova ma nibkix kien għalxejn. Anzi, wara li kont nibki kont inħossni aħjar.” Ovvjament, mhux kulħadd jitnikket bl-istess mod. Għalhekk, jekk m’intix it-tip ta’ persuna li turi kif tħossok, dan ma jfissirx li qed trażżan l-emozzjonijiet tiegħek jew li għandek iġġiegħel lilek innifsek tibki.

Evita li tinqata’ għalik waħdek. (Proverbji 18:1) Ronaldo jgħid: “Kultant ma kienx ikolli aptit inkun man-nies, imma din il-problema pprovajt niġġildilha. Meta kienu jżuruni n-nies, jien kont nilqagħhom. Ukoll, kont niftaħ qalbi ma’ marti u mal-ħbieb tal-qalb.”

Ibqa’ kalm jekk xi ħadd jgħid kliem li jweġġa’. Dawn jistgħu jinkludu espressjonijiet bħal “Kien aħjar hekk.” Ronaldo jiftakar: “Xi kummenti li kienu intenzjonati biex ifarrġuni, iktar kienu jnikktuni.” Minflok ma thewden fuq kliem li jweġġa’, segwi l-parir għaqli tal-Bibbja: “Tiħux wisq bis-serjetà l-kliem kollu li jistgħu jgħidu n-nies.”—Ekkleżjasti 7:21.

Tgħallem il-verità dwar il-kundizzjoni tal-mejtin. Ronaldo jgħid: “F’Ekkleżjasti 9:5, il-Bibbja turi li l-mejtin mhux qed ibatu, u dan il-fatt jgħinni nħoss paċi ġewwinija. Il-Bibbja tgħallem ukoll li se jkun hemm irxoxt u li dawk mejtin se jerġgħu jingħataw il-ħajja. Għalhekk, naħseb fil-maħbubin mejtin tiegħi bħallikieku kienu msifrin.”—Atti 24:15.

Kont taf? Il-Bibbja twiegħed żmien meta Alla se “jibla’ l-mewt għal dejjem.” *Isaija 25:8.