Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Mard tal-ħanek—Tbati bih?

Mard tal-ħanek—Tbati bih?

DAN hu wieħed mill-iktar mard orali (tal-ħalq) komuni fid-dinja. Madankollu, din il-marda fl-istadji inizjali tagħha tistaʼ ma tikkawżax sintomi mill-ewwel. Dan in-nuqqas taʼ sintomi ovvji hu karatteristiku tal-mard tal-ħanek. L-International Dental Journal jinkludi l-mard paradentali (tal-ħanek) fost mard orali li hu taʼ “problema serja tas-saħħa pubblika.” Iżid jgħid li l-impatt tal-mard orali “fuq individwi u komunitajiet f’dawk li huma wġigħ u tbatija, tfixkil biex jintuża l-ħalq, u tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja hu konsiderevoli.” Diskussjoni dwar din il-kundizzjoni komuni tistaʼ tgħinek tnaqqas ir-riskju li jkollok il-mard tal-ħanek.

Fatti dwar il-mard tal-ħanek

Hemm stadji differenti tal-mard tal-ħanek. L-istadju inizjali, imsejjaħ ġenġivite, hu infjammazzjoni tal-ħniek. Ħanek li jnixxi d-demm jistaʼ jkun sinjal taʼ dan l-istadju. Dan jistaʼ jiġri waqt il-ħasil jew it-tħammil tas-snien jew għal ebda raġuni evidenti. Ukoll, jekk joħroġ id-demm waqt eżami tal-ħanek, dan jistaʼ jindika l-ġenġivite.

Il-mard tal-ħanek li jiġi wara dan l-istadju jismu periodontitis. F’dan il-punt, l-istrutturi orali li jżommu snienek f’posthom, bħaċ-ċelluli tal-għadam u tal-ħanek, jibdew jinqerdu. Dan it-tip taʼ mard tal-ħanek jistaʼ ma jikkaġunax sintomi sa ma jilħaq isir gravi. Xi sinjali taʼ periodontitis jistgħu jkunu spazji fil-ħniek; snien jiċċaqalqu; spazji li jifformaw bejn is-snien; nifs jinten; ħniek li jinġibdu lura minn mas-snien, u li b’hekk iġiegħlu lis-snien jidhru itwal; u ħniek li jnixxu d-demm.

Il-kawża u l-effett tal-mard tal-ħanek

Diversi fatturi jistgħu jżidu ċ-ċans tal-mard tal-ħanek. Il-plakka dentali, li hi lega rqiqa taʼ batterji li tifforma regolarment fuq is-snien, hi l-iktar kawża komuni. Jekk il-plakka ma titneħħiex, il-batterji jistgħu jikkaġunaw nefħa fil-ħanek. Hekk kif dan il-proċess ikompli, il-ħniek jibdew jisseparaw minn mas-snien u jippermettu l-plakka mimlija batterji tikber taħt il-ħanek.  Ladarba l-batterji jkunu waslu s’hawn, il-proċess tal-infjammazzjoni javvanza u jeqred iċ-ċelluli tal-għadam u tal-ħanek. Il-plakka dentali, fuq is-snien jew fuq il-ħanek, tistaʼ tibbies u ssir ġebla (jew kif tissejjaħ l-iktar, tartru). Il-ġebla wkoll tkun miksija bil-batterji, u peress li tkun iebsa u teħel mas-snien, ma jkunx faċli titneħħa daqs il-plakka. Għalhekk, il-batterji jistgħu jkomplu jeffettwaw ħażin lill-ħanek.

Hemm fatturi oħra li jistgħu jikkontribwixxu għar-riskju li jkollok il-mard tal-ħanek. Dawn jistgħu jinkludu iġjene orali mhux adegwata, mediċini li jdgħajfu s-sistema immuni, infezzjonijiet virali, stress, dijabete mhux kontrollata, konsum żejjed tal-alkoħol, użu tat-tabakk, u bdil fl-ormoni minħabba t-tqala.

Il-mard tal-ħanek jistaʼ jeffettwak b’modi oħrajn. L-uġigħ fil-ħalq jew it-telf tas-snien minħabba mard tal-ħanek jistaʼ jtellef l-abbiltà tiegħek biex tomgħod u tgawdi l-ikel. Id-diskors u l-apparenza tiegħek jistgħu jmorru minn taħt. Ukoll, ir-riċerka wriet li s-saħħa orali hi relatata mill-qrib mas-saħħa inġenerali.

Id-dijanjosi u l-kura tal-mard tal-ħanek

Kif tkun taf jekk għandekx mard tal-ħanek? Tistaʼ tinnota xi affarijiet imsemmijin diġà f’dan l-artiklu. Jekk inhu hekk, ikun għaqli tikkonsulta dentist li jistaʼ jevalwalek is-saħħa tal-ħanek.

Jistaʼ jiġi kkurat il-mard tal-ħanek? Jekk ikun għadu fil-bidu tiegħu, il-mard tal-ħanek jistaʼ jitreġġaʼ lura. Jekk dan jiggrava sal-punt li jsir periodontitis, imbagħad il-mira tkun li l-progress tal-marda jitwaqqaf qabel ma jkompli jeqred l-għadam u ċ-ċelluli madwar is-snien. Id-dentisti jużaw għodda speċjalizzata biex ineħħu l-plakka u l-ġebla mis-snien, kemm minn taħt u minn fuq il-ħanek.

Kemm jekk m’għandekx aċċess jew għandek aċċess limitat għal kura professjonali dentali, il-prevenzjoni hi s-sigriet biex tnaqqas ir-riskju li jkollok din il-marda li ma tindunax biha mill-ewwel u li tistaʼ tkun qerrieda. Kura orali tajba u regulari tiegħek innifsek hi l-aqwa prevenzjoni biex tnaqqas ir-riskju tal-mard tal-ħanek.