NHAR il-25 taʼ Diċembru 2010, mara taʼ 42 sena fil-Britannja tefgħet nota taʼ suwiċidju fuq sit taʼ netwerk soċjali magħruf sew. Il-messaġġ tagħha kien qisu għajta ddisprata għall-għajnuna. Għalkemm il-mara kellha ’l fuq minn elf “ħabib” fuq in-netwerk soċjali, ħadd minnhom ma taha widen. Il-pulizija sabu l-katavru l-għada. Kienet ħadet overdose fatali.

Illum, it-teknoloġija moderna tħallina nagħmlu mijiet, jew anke eluf, taʼ “ħbieb” fuq netwerks soċjali billi sempliċement inżidulhom isimhom mal-lista tagħna taʼ kuntatti fuq il-kompjuter. U meta nkunu nixtiequ nwaqqfu waħda minn dawn il-“ħbiberiji,” sempliċement inħassru isem dik il-persuna mil-lista tagħna. Però, l-inċident traġiku li involva l-mara mill-Britannja jenfasizza realtà li taħsdek—ħafna nies m’għandhomx ħbieb veri. Fil-fatt, stħarriġ reċenti wera li għalkemm qed nissoċjalizzaw iktar, in-numru taʼ ħbieb tal-qalb tagħna naqas.

Bħall-maġġoranza tan-nies, int aktarx taqbel li hu importanti li jkollok ħbieb tajbin. Forsi tifhem ukoll li hemm iktar involut f’li tkun ħabib milli sempliċement tikklikkja l-ħoloq fuq monitor taʼ kompjuter jew smartphone. Int xi tfittex f’ħabib? Kif tistaʼ tkun ħabib tajjeb int? X’hemm bżonn biex ikollok ħbiberija dejjiema?

Ikkunsidra l-erbaʼ linji gwida li ġejjin, u nnota kif l-għajnuna prattika tal-Bibbja tistaʼ tgħinek tkun it-tip taʼ persuna li ħaddieħor ikun irid bħala ħabib.

 1. Uri li sinċerament jimpurtak

Il-ħbiberija vera tinvolvi impenn. Fi kliem ieħor, ħabib tajjeb iħoss responsabbiltà lejk u verament jimpurtah minnek. Bla dubju, impenn bħal dan jiġi miż-żewġ naħat, u jirrikjedi xogħol iebes u sagrifiċċju mit-tnejn li intom. Imma l-benefiċċji huma vallapena. Staqsi lilek innifsek, ‘Lest jien nagħti minni nnifsi, mill-ħin, u mir-riżorsi tiegħi għal ħabibi?’ Ftakar, li biex ikollok ħabib tajjeb, l-ewwel trid tkun ħabib tajjeb int.

XI JFITTXU N-NIES F’ĦABIB

Irene: “Bħal meta tieħu ħsieb ġnien sabiħ, hemm bżonn ħafna ħin u attenzjoni biex tibni ħbiberija. Ibda billi tkun trid tkun ħabib tajjeb int stess. Kun ġeneruż f’li turi affezzjoni u interess personali. U kun lest li tissagrifika ħinek meta jkun hemm bżonn.”

Luis Alfonso: “Is-soċjetà moderna tinkuraġġixxi l-egotiżmu minflok l-altruiżmu. Għalhekk meta xi ħadd jieħu interess personali fik mingħajr ma jippretendi xi ħaġa lura jkun ifisser ħafna.”

X’TGĦID IL-BIBBJA?

“Bħalma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, agħmlu l-istess lilhom. Idraw agħtu, u n-nies jagħtukom.” (Luqa 6:31, 38) Hawn Ġesù jħeġġeġ l-altruiżmu u l-ġenerożità vera. Ġenerożità bħal din trawwem ħbiberiji tajbin. Jekk tagħti minnek innifsek għal ħbiebek mingħajr ma tippretendi xi ħaġa lura, mingħajr ma jridu se jinġibdu lejk.

2. Ikkomunika tajjeb

Ħbiberija tajba ma tistax tiffjorixxi mingħajr komunikazzjoni regolari. Għalhekk, tkellmu flimkien dwar l-interessi tagħkom. Ismaʼ x’għandu x’jgħid sieħbek, u rrispetta l-opinjonijiet tiegħu. Kull meta jkun possibbli, faħħru u inkuraġġih. Xi drabi, ħabib jistaʼ jkollu bżonn parir jew anki jiġi kkoreġut, u dan jistaʼ ma jkunx dejjem faċli li tagħmlu. Madankollu, ħabib leali se jkollu l-kuraġġ jgħidlek b’xi nuqqas serju u joffri gwida bit-tattika.

XI JFITTXU N-NIES F’ĦABIB

Juan: “Ħabib veru għandu jkun jistaʼ jesprimi l-opinjonijiet tiegħu bil-libertà imma ma jiħux għalih jekk ma taqbilx.”

Eunice: “L-iktar li napprezza jien huma ħbieb li jkunu lesti jqattgħu l-ħin miegħi u jisimgħuni, speċjalment meta jkolli l-problemi.”

Silvina: “Ħbieb taʼ veru jgħidulek il-verità—anki jekk jafu li se tweġġaʼ—għax jixtiqulek il-ġid.”

X’TGĦID IL-BIBBJA?

“Kull bniedem irid ikun ħafif biex jismaʼ, tqil biex jitkellem, tqil biex jinkorla.” (Ġakbu 1:19) Ħbieb tajbin dejjem japprezzaw lil min jagħtihom widen. Imma jekk nitkellmu aħna biss, inkunu qed nagħtu l-messaġġ li aħna nħossu li l-opinjonijiet tagħna huma iktar importanti minn tagħhom. Għalhekk, oqgħod attent meta ħabib ikun jixtieq jaqsam il-ħsibijiet u l-ansjetajiet ġewwinin tiegħu miegħek. U tiħux għalik jekk ikun onest miegħek. “Il-feriti li jagħmillek min iħobbok ġejjin mill-fedeltà,” jgħid Proverbji 27:6.

 3. Żomm ħarsa realistika

Iktar ma nersqu qrib taʼ ħabib, iktar se nkunu nistgħu naraw id-dgħufijiet tiegħu. Ħbiebna mhumiex perfetti, imma lanqas m’aħna aħna. Għalhekk, qatt m’għandna nistennew jew nitolbu l-perfezzjoni min-nies li nagħmlu ħbieb magħhom. Pjuttost, ikun tajjeb napprezzaw it-tajjeb tagħhom u nagħlqu għajn waħda għall-iżbalji tagħhom.

XI JFITTXU N-NIES F’ĦABIB

Samuel: “Spiss nistennew iktar minn ħaddieħor milli nistennew minna nfusna. Jekk nagħrfu n-nuqqasijiet tagħna stess u l-bżonn li għandna biex ninħafru, imbagħad se nkunu iktar lesti li naħfru ’l ħaddieħor.”

Daniel: “Aċċetta l-fatt li sħabek se jiżbaljaw. Meta jqumu l-problemi, nagħmlu tajjeb li nsolvuhom malajr u nipprovaw mill-aħjar li nistgħu biex ninsewhom.”

X’TGĦID IL-BIBBJA?

Int lest li taħfer?—Kolossin 3:13, 14

“Ilkoll nitfixklu ħafna drabi. Jekk xi ħadd ma jitfixkilx f’dak li jgħid, dan ikun raġel perfett, kapaċi jliġġem ukoll lil ġismu kollu.” (Ġakbu 3:2) Jekk nagħrfu din il-verità sempliċi, se nifhmuhom iktar lil ħbiebna. Imbagħad, dan se jagħmilhielna possibbli biex ma niffokawx fuq difetti żgħar u nuqqasijiet li jistgħu jirritawna. Il-Bibbja tgħid: “Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor. . . . Imma, minbarra dawn l-affarijiet kollha, ilbsu l-imħabba, għax hi rabta perfetta li tgħaqqad.”—Kolossin 3:13, 14.

 4. Agħmel ħbieb m’oħrajn

Veru, għandna noqogħdu attenti maʼ min nagħmlu ħbieb. Imma dan ma jfissirx li għandna nillimitaw l-għażla taʼ ħbiebna għal dawk taʼ ċerta età jew trobbija. Ħajjitna tistaʼ verament titjieb jekk nieħdu interess f’nies taʼ kull età, sfond kulturali, u nazzjonalità.

XI JFITTXU N-NIES F’ĦABIB

Unai: “Jekk tagħmel ħbieb biss maʼ dawk li huma tamparek u li għandhom l-istess interessi tiegħek, ikun bħallikieku tilbes ħwejjeġ tal-kulur favorit tiegħek il-ħin kollu. Jogħġbok kemm jogħġbok dak il-kulur, ħin jew ieħor tistaʼ tixbaʼ minnu.”

Funke: “Li sibt iktar ħbieb tani l-opportunità nimmatura bħala persuna. Tgħallimt ningwalaha maʼ nies taʼ kwalunkwe età u sfond, u dan għenni mmur aħjar man-nies u biex nadatta ruħi. U sħabi vera japprezzawh dan.”

Qed tikkomunika maʼ nies taʼ kull xorta?—2 Korintin 6:13

X’TGĦID IL-BIBBJA?

“Wessgħu qalbkom intom ukoll.” (2 Korintin 6:13) Il-Bibbja tinkuraġġina biex nikkomunikaw maʼ nies taʼ kull xorta. Ħarsa bħal din tal-ħbiberija, li tinkludi lil kulħadd u li hi imparzjali, tistaʼ żżidlek il-varjetà f’ħajtek u tiġbed lil ħaddieħor lejk.