Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 TITWILA LEJN IL-PASSAT

Joseph Priestley

Joseph Priestley

“Il-versatilità, il-ħerqa, l-attività, u l-ħniena tiegħu; il-kobor immens tal-kurżità tiegħu, f’kull ħaġa fiżika, morali, jew soċjali; postu fix-xjenza, fit-teoloġija, fil-filosofija, u fil-politika; l-atteġġjament partikulari li kellu mar-Rivoluzzjoni [Franċiża], u l-istorja patetika tat-tbatijiet li ma kinux jistħoqqulu, jistgħu jagħmluh l-eroj tas-seklu tmintax.”—Frederic Harrison, filosfu.

X’WETTAQ Joseph Priestley li kien tant taʼ min jinnotah? L-iskoperti u l-kitbiet tiegħu influwenzaw kif in-nies iqisu l-irwol tal-gvern, in-natura t’Alla, u saħansitra l-arja li minnha nieħdu n-nifs.

Kemm jekk kiteb dwar ix-xjenza jew ir-reliġjon, Priestley rrifjuta teoriji jew tradizzjonijiet u pprefera fatti u verità. Ejja naraw kif.

HU FITTEX IL-VERITÀ FIX-XJENZA

Wara li ltaqaʼ max-xjenzjat Amerikan Benjamin Franklin fl-1765, Joseph Priestley—li sa dak iż-żmien kien biss iddelitta fix-xjenza—beda jesperimenta bl-elettriku. Is-sena taʼ wara, sħabu x-xjenzjati tant baqgħu impressjonati bl-iskoperti tiegħu li ġie elett fil-prestiġjuż Royal Society of London.

Imbagħad, Priestley beda jikkonċentra fuq il-kimika. F’qasir żmien, hu skopra diversi gassijiet ġodda, inkluż l-ammonja u l-ossidu nitruż (gass li jdaħħaq). Kien anke injetta l-karbonju dijossidu fl-ilma, b’hekk ivvinta l-ilma bil-gass.

Fl-1774, waqt li kien qed jesperimenta fin-Nofsinhar tal-Ingilterra, Priestley skopra gass rimarkevoli li ġiegħel il-fjammi tax-xemaʼ jaqbdu b’dawl iktar qawwi. Iktar tard,  hu poġġa 60 millilitru minn dan il-gass f’tazza flimkien maʼ ġurdien. Il-ġurdien dam ħaj id-doppju taʼ li kien idum li kieku kien f’tazza mimlija b’arja normali! Priestley nnifsu ħa nifs minn dan il-gass, u qal li ‘ħassu ħafif u rilassat għal xi ħin wara.’

Joseph Priestley kien skopra l-ossiġnu. * Però, hu kien assuma li kien skopra arja normali li ma kienx fiha sustanza ipotetika maħsuba li tfixkel il-ħruq. Il-konklużjoni taʼ Priestley kienet żbaljata, imma ħafna nies għadhom jikkunsidraw din l-iskoperta bħala “l-quċċata tax-xogħol li wettaq f’ħajtu.”

HU FITTEX IL-VERITÀ FIR-RELIĠJON

Eżattament bħalma Priestley kien jemmen li teoriji eżistenti kienu jfixklu l-verità xjentifika, hekk ukoll ikkonkluda li t-tradizzjoni u d-domma kienu jfixklu l-verità reliġjuża. Ironikament, fit-tfittxija tul għomru għall-verità Biblika, Priestley adotta xi ideat li kienu f’konflitt maʼ dak li verament tgħallem il-Bibbja. Pereżempju, kien hemm żmien meta ma kienx jemmen li l-Bibbja kienet mirakolożament ispirata minn Alla. Lanqas m’aċċetta t-tagħlim tal-Bibbja li Ġesù kien jeżisti qabel ma sar bniedem.

“Jekk ix-xjenza hi t-tfittxija għall-verità, mela Priestley kien xjenzjat veru.”—Katherine Cullen, bijologa

Mill-banda l-oħra, Priestley kixef tagħlim reliġjuż falz li kien, u li għadu sal-lum il-ġurnata, aċċettat minn ħafna f’reliġjonijiet ewlenin. Hu kiteb li l-verità mgħallma minn Ġesù u s-segwaċi tiegħu iktar tard tniġġset bil-gideb—inkluż dak tat-tagħlim falz tat-Trinità, it-twemmin żbaljat li r-ruħ hi immortali, u l-qima tax-xbihat, li attwalment hi kkundannata fil-Bibbja.

L-ideat reliġjużi taʼ Priestley u l-appoġġ tiegħu għar-rivoluzzjoni Amerikana u dik Franċiża nfurjaw lil sħabu l-Ingliżi. Fl-1791, marmalja qerditlu d-dar u l-laboratorju, u Priestley eventwalment ħarab lejn l-Istati Uniti. Għalkemm jibqaʼ partikularment miftakar għall-iskoperti xjentifiċi tiegħu, Joseph Priestley kien jemmen li t-tagħlim dwar Alla u l-iskop Tiegħu kien taʼ “dinjità u importanza superjuri.”

^ par. 10 Iktar kmieni, il-kimiku Żvediż Carl Scheele kien skopra l-ossiġnu imma naqas li jippubblika l-iskoperta tiegħu. Warajh, il-kimiku Franċiż Antoine-Laurent Lavoisier semmieh ossiġnu.