Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IL-ĦARSA TAL-BIBBJA

Il-mewt

Il-mewt

Fejn huma l-mejtin?

“Għax trab int u trab terġaʼ ssir.”—Ġenesi 3:19.

DAK LI JGĦIDU N-NIES

Hemm min jimmaġina ħajja xi mkien ieħor—fil-ġenna, fl-infern, fil-purgatorju, jew fil-limbu. Oħrajn jemmnu fi twelid mill-ġdid f’forma taʼ ħajja oħra. Mill-banda l-oħra, dawk li ma jaċċettawx ideat reliġjużi jemmnu li l-mewt hi sempliċement it-tmiem tal-eżistenza taʼ dak li jkun.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Ekkleżjasti 9:10 jgħid li “la hemm xogħol, la ppjanar, la għarfien, u lanqas għerf fil-Qabar, il-post fejn int sejjer.” Il-Bibbja tispjega wkoll x’jiġri kemm lill-bnedmin u kemm lill-annimali mal-mewt. Hi tgħid: “Ilkoll sejrin f’post wieħed. Kollha mit-trab ġew, u kollha lejn it-trab jerġgħu jmorru.”—Ekkleżjasti 3:20.

 X’jiġri mill-mejtin?

“L-ispirtu tiegħu joħroġ, u hu jerġaʼ lura lejn l-art; dakinhar ħsibijietu jgħibu.”—Salm 146:4.

DAK LI JGĦIDU N-NIES

Ħafna ġew mgħallmin li l-esperjenzi taʼ individwu fil-ħajja wara l-mewt jiddependu minn xi jkun għamel fil-ħajja fuq l-art. Jekk għamel affarijiet tajbin, il-premju jkun hena taʼ dejjem; jekk kien ħażin, il-futur tiegħu se jkun f’sofferenza taʼ dejjem. Jintqal li l-bnedmin iridu jkunu mnaddfin mid-dnub qabel jitħallew jidħlu fil-preżenza t’Alla wara l-mewt. Dawk li mhumiex imnaddfin jintqal li se jkunu mċaħħdin minn dak il-ferħ għal dejjem.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Il-mejtin la jesperjenzaw hena u lanqas sofferenza. Tabilħaqq, ladarba mhumiex konxji, ma jistgħu jesperjenzaw xejn affattu; lanqas ma jistgħu jgħinu jew iweġġgħu lill-ħajjin. Skont Ekkleżjasti 9:5, 6: “Il-ħajjin jafu li għad imutu; imma l-mejtin ma jafu assolutament xejn . . . Ukoll, l-imħabba u l-mibegħda u l-għira tagħhom diġà għabu, u għal żmien indefinit mhux se jkollhom iktar sehem f’kulma għandu jsir taħt ix-xemx.”

Hemm xi tama għall-mejtin?

“Jekk raġel b’saħħtu jmut jistaʼ jerġaʼ jgħix? Il-jiem kollha tal-jasar tiegħi se nistenna, sakemm jiġi s-serħan tiegħi.” —Ġob 14:14.

DAK LI JGĦIDU N-NIES

Ħafna nies jemmnu li ladarba bniedem jintbagħat fl-infern, m’hemm ebda tama għalih. Is-sofferenzi tal-infern jintqal li huma eterni. Mill-banda l-oħra, jintqal li dawk fil-purgatorju se jkollhom hena fil-ġenna wara li jkunu tnaddfu minn dnubiethom bin-nar.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Wara li jistrieħu fil-mewt, il-mejtin se jiġu rxoxtati, jew jinġiebu lura għall-ħajja, fuq l-art mill-Iben t’Alla. Il-Bibbja tgħid: “Tistagħġbux b’dan, għax ġejja s-siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira jisimgħu leħnu u joħorġu.” (Ġwanni 5:26, 28, 29) Il-kondotta taʼ dak li jkun minn hemm ’il quddiem se tiddetermina jekk jingħatax il-ħajja taʼ dejjem. *

^ par. 14 Għal iktar informazzjoni dwar l-irxoxt, jekk jogħġbok ara kapitlu 7 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova