“Ħassejtni qisni ġurdien niġri ġo rota u ma nasal imkien. Spiss kont naħdem 16-il siegħa kuljum u rari kelli wikend liberu. Ħassejtni rrabjat għax lil binti ż-żgħira rieqda biss kont naraha. L-istress kien qed imarradni.”—Kari, il-Finlandja.

L-ESPERJENZA taʼ Kari mhix taʼ barra minn hawn. Skont istituzzjoni karitattiva tas-saħħa mentali fir-Renju Unit, 1 minn kull 5 ħaddiema f’dak il-pajjiż qal li l-istress marrdu fiżikament matul il-karriera tiegħu, u l-pressjoni tax-xogħol li diffiċli timmaniġġaha wasslet lil 1 minn kull 4 biex jibki waqt ix-xogħol. Ir-riċetti tat-tabib għall-antidipressanti żdiedu bħal qatt qabel matul sena reċenti taʼ reċessjoni ekonomika.

Xi kkaġunalek l-istress?

  • Ansjetà—finanzjarja jew xort’oħra

  • Rutina li titlob wisq

  • Konflitti m’oħrajn

  • Esperjenzi trawmatiċi

Kif effettwak l-istress?

  • Problemi taʼ saħħa

  • Eżawriment emozzjonali

  • Problemi tal-irqad

  • Dipressjoni

  • Relazzjonijiet li qed jiddeterjoraw

 L-istress jattiva sistema tal-għaġeb f’ġismek—sistema li tirreaġixxi f’każ t’emerġenza. L-ormoni jżidulek ir-rata tan-nifs, it-taħbit tal-qalb, u l-pressjoni tad-demm. Barra minn hekk, riservi taċ-ċelluli tad-demm u l-glukosju f’daqqa waħda jimlewlek is-sistema tad-demm. Dawn ir-reazzjonijiet li jiġu waħda wara l-oħra jippreparawk biex tittratta mal-istimulu li qed jikkawża l-istress. Wara li jkun għadda l-istimulu, ġismek jistaʼ jerġaʼ lura għan-normal. Imma meta l-istimulu jibqaʼ hemm, jistaʼ jħallik ansjuż jew b’tensjoni għal żmien twil, bħal magna rrejżjata. Għalhekk, li titgħallem tkampa bl-istress hu importanti għal saħħa tajba, kemm fiżika u kemm mentali.

L-immaniġġar tal-istress

L-istress fih innifsu mhux neċessarjament jagħmel il-ħsara. L-American Psychological Association innotat li: “L-istress fil-bniedem jistaʼ jitqabbel mat-tensjoni taʼ korda taʼ vjolin: jekk ikollha ftit wisq, il-mużika tinstemaʼ fgata u ħarxa; jekk ikollha żżejjed il-mużika żżarżar jew tinqataʼ l-korda. Stress żejjed jistaʼ jikkaġuna l-mewt imma ammont xieraq taʼ stress jistaʼ jagħmlilna ħajjitna iktar interessanti. Il-biċċa tax-xogħol hi kif timmaniġġah.”

Biex inżidu aspett ieħor, in-nies ivarjaw fit-temperament u fis-saħħa ġenerali. Allura, dak li jistressja lil persuna waħda mhux neċessarjament jistressja lil oħra. Minkejja dan, aktarx li tkun stressat iżżejjed jekk ir-rutina regolari tiegħek tagħmillek tant tensjoni li ma tkunx tistaʼ tirrilassa jew tiffaċċja emerġenza taʼ kultant.

Biex jiġu megħjunin “ikampaw” bi stress kroniku, xi wħud iduru għall-alkoħol, id-drogi, jew it-tipjip. Oħrajn jaqbdu drawwiet mhux normali tal-ikel jew jintefgħulek quddiem it-TV jew il-kompjuter—drawwiet li ma jsolvux il-problema vera, imma jistgħu fil-fatt jiggravawha. Kif nistgħu, mela, nimmaniġġaw l-istress effettivament?

Ħafna nies irnexxielhom jimmaniġġaw l-istress tal-ħajja billi japplikaw pariri prattiċi misjubin fil-Bibbja. L-għerf stabbilit tagħha jistaʼ jgħinek? Ikkunsidra din il-mistoqsija fid-dawl taʼ erbaʼ fatturi komuni li jikkaġunaw l-istress.

 1 L-ANSJETÀ

Ħadd minna m’għandu sigurtà totali. Kif tgħid il-Bibbja, “iż-żmien u l-ġrajjiet mhux mistennijin jiġu fuq kulħadd.” (Ekkleżjasti 9:11) Kif tistaʼ tkampa b’sentimenti t’ansjetà? Ipprova dawn is-suġġerimenti.

  • Iftaħ qalbek maʼ membru tal-familja jew ħabib li tafdah. Xi studji wrew li l-appoġġ taʼ dawk qribek jagħti protezzjoni konsistenti kontra l-inkwiet relatat mal-istress. Iva, “ħabib veru jħobb il-ħin kollu; huwa ħu mwieled għal meta jkun hemm in-niket.”—Proverbji 17:17.

  • Tiffokax kontinwament fuq l-agħar li jistaʼ jiġri. Ħsib bħal dan ma jagħmel xejn ħlief jgħejjik emozzjonalment. U dak li qed tibżaʼ minnu jistaʼ qatt ma jseħħ! Bir-raġun li l-Bibbja tgħid: “Qatt tkunu ansjużi dwar l-għada, għax l-għada se jkollu l-ansjetajiet tiegħu.”—Mattew 6:34.

  • Ħu vantaġġ mill-qawwa tat-talb. ‘Itfgħu l-ansjetà kollha tagħkom fuq Alla, għax hu jimpurtah minnkom,’ jgħid l-1 Pietru 5:7. Alla juri li jimpurtah billi jtina paċi ġewwinija u billi jiżgurana li qatt mhu se ‘jabbanduna’ lil dawk li sinċerament iduru lejh għall-faraġ u l-appoġġ fi żmien taʼ bżonn.—Ebrej 13:5; Filippin 4:6, 7.

2 RUTINA LI TITLOB WISQ

Rutina li qatt ma tbatti taʼ vvjaġġar, xogħol, studju, u li tieħu ħsieb tfal jew ġenituri mdaħħlin fiż-żmien tistaʼ twassal għal stress kontinwu. Iktar minn hekk, mhijiex għażla li twaqqaf uħud minn dawn l-attivitajiet. (1 Timotju 5:8) Mela x’tistaʼ tagħmel biex tkampa?

  • Ipprova agħti lilek innifsek ħin biex tirrilassa, u strieħ biżżejjed. Il-Bibbja tgħid: “Aħjar id mimlija bil-mistrieħ milli tnejn mimlijin bix-xogħol iebes u l-ġiri wara r-riħ.”—Ekkleżjasti 4:6.

  • Agħmel prijoritajiet tajbin, u għix stil taʼ ħajja moderata. (Filippin 1:10) Ikkunsidra li tissimplifika ħajtek, forsi billi tnaqqas l-ispejjeż jew il-ħin li tqattaʼ għax-xogħol.—Luqa 21:34, 35.

Kari, li ssemma qabel, beda jaħsibha mod ieħor. “Irrealizzajt li kelli stil taʼ ħajja egoista,” kiteb hu. Biegħ in-negozju li kellu u sab xogħol li ppermettielu jqattaʼ iżjed ħin id-dar. “Il-livell t’għajxien tagħna naqas xi ftit,” jgħid hu, “imma jien u marti issa ħlisna minn stress kontinwu u għandna iżjed ħin xi nqattgħu mal-familja u l-ħbieb. Il-paċi ġewwinija li għandi ma nbiddilha mal-ebda opportunità taʼ negozju.”

 3 KONFLITTI M’OĦRAJN

Konflitti li jkollok m’oħrajn, speċjalment fuq il-post tax-xogħol, jistgħu jkunu stressanti ħafna. Jekk tesperjenza diffikultajiet bħal dawn, hemm numru t’għażliet li jistgħu jkunu t’għajnuna għalik.

  • Meta xi ħadd jinkwetak, ipprova ibqaʼ kalm. Titfax ħatab fuq in-nar. “Tweġiba, meta tkun ħelwa, tkeċċi l-korla, imma kelma li tweġġaʼ tqajjem ir-rabja,” jgħid Proverbji 15:1.

  • Ipprova ssetilja d-differenzi fil-privat u bir-rispett, b’hekk tagħti d-dinjità lill-persuna l-oħra.—Mattew 5:23-25.

  • Ipprova ifhem is-sentimenti u l-ħarsa taʼ dak li jkun. Dehen bħal dan ‘itaffilna r-rabja’ għax ipoġġina fiż-żarbun tal-persuna l-oħra. (Proverbji 19:11) Jistaʼ wkoll jgħinna naraw lilna nfusna minn kif tarana hi.

  • Ipprova aħfer. Il-maħfra mhix biss sabiħa. Hi mediċina tajba wkoll. Bħalma ġie rrapportat fi studju fl-2001, “ħsibijiet mhux maħfurin” irriżultaw fi pressjoni tad-demm u rata tat-taħbit tal-qalb “ogħla mhux ħażin,” filwaqt li attitudni taʼ maħfra naqqset l-istress.—Kolossin 3:13.

4 ESPERJENZI TRAWMATIĊI

Nieng, li tgħix il-Kambodja, batiet sensiela taʼ traġedji. Fl-1974 indarbet meta splodiet bomba f’ajruport. Is-sena taʼ wara, iż-żewġt itfal tagħha, ommha, u żewġha kollha mietu. Fl-2000, id-dar u affarijiet oħra li kellha nqerdu f’nirien, u tliet snin wara, miet it-tieni raġel tagħha. Wara dan kollu riedet ittemm ħajjitha.

“Aħjar id mimlija bil-mistrieħ milli tnejn mimlijin bix-xogħol iebes”

Madankollu, Nieng sabet kif tistaʼ tkampa. Bħal Kari, hi eżaminat il-Bibbja u tant ibbenefikat minn dak li tgħallmet li hi mbagħad iddedikat ħin biex tgħin lil ħaddieħor igawdi l-istess benefiċċji. L-istorja tagħha tfakkarna fi studju li sar fl-2008 minn riċerkaturi Ingliżi. Huma sabu li mod wieħed biex “tikkumbatti l-istress” kien li “b’xi mod jew ieħor tagħti . . . lil ħaddieħor”—parir li ilu żmien appoġġat mill-Bibbja.—Atti 20:35.

Iżjed minn hekk, Nieng iggwadanjat tama żgura għal futur aħjar, wieħed li fih il-problemi li jifnu lill-umanità se jkunu spiċċaw. Minflok, ikun hemm “sliem kotran” mal-art kollha.—Salm 72:7, 8.

Tama ġenwina u għerf biex tkampa bil-ħafna stress li ġġib magħha l-ħajja huma prezzjużi t-tnejn, u t-tnejn jinsabu fil-paġni tal-Bibbja. Miljuni taʼ nies diġà bbenefikaw minn dan il-ktieb uniku u rimarkevoli. Int tistaʼ wkoll.