Mur fil-kontenut

Mur fil-menu sekondarju

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Malti

Stenbaħ!  |  Mejju 2014

It-tfittxija għas-sħaħar fl-Ewropa

It-tfittxija għas-sħaħar fl-Ewropa

FTIT sekli ilu fl-Ewropa, il-biżaʼ mis-seħer wassal għat-tfittxija u l-esekuzzjoni tas-sħaħar. Dan ġara l-iktar fi Franza, fil-Ġermanja, fit-Tramuntana tal-Italja, fl-Isvizzera, u fil-Pajjiżi l-Baxxi—il-Belġju, il-Lussemburgu, u l-Olanda. “Għaxriet t’eluf taʼ nies fl-Ewropa u fil-kolonji Ewropej mietu,” u “miljuni oħra ġew ittorturati, arrestati, interrogati, mibgħudin, mixlijin, jew imbeżżgħin,” jgħid il-ktieb Witch Hunts in the Western World. * Kif bdew dawn is-suspetti? Min xewwixhom?

L-inkwiżizzjoni u l-ktieb Il-Martell tas-Sħaħar

L-Inkwiżizzjoni tilgħab parti importanti f’din l-istorja. Din inħolqot mill-Knisja Kattolika Rumana fis-seklu 13 “biex tikkonverti lill-apostati u tipprevieni lil ħaddieħor milli jitlef il-fidi,” jispjega l-ktieb Der Hexenwahn (Il-Manija tas-Sħaħar). L-Inkwiżizzjoni kienet bħal forza tal-pulizija għall-knisja.

Fil-5 taʼ Diċembru 1484, Papa Innoċenti VIII ħareġ editt, jew dokument papali, li kkundanna s-seħer. Hu awtorizza wkoll żewġ inkwiżituri—Jakob Sprenger u Heinrich Kramer (magħruf ukoll b’ismu bil-Latin, Henricus Institoris)—biex iwaqqfu s-seħer. Iż-żewġt irġiel kitbu ktieb jismu Malleus Maleficarum jiġifieri, Il-Martell tas-Sħaħar (The Hammer of Witches). Kemm il-Kattoliċi kif ukoll il-Protestanti aċċettawh bħala l-awtorità dwar is-seħer. Il-ktieb kien fih stejjer dwar sħaħar ivvintati u bbażati fuq il-folklor, ippreżenta raġunar teoloġiku u legali kontra s-seħer, u pprovda linji gwida dwar kif is-sħaħar jiġu identifikati u eliminati. Il-Martell tas-Sħaħar ġie deskritt bħala “l-iktar ktieb brutali u . . . taʼ dannu fil-letteratura kollha tad-dinja.”

Il-Martell tas-Sħaħar ġie deskritt bħala “l-iktar ktieb brutali u . . . taʼ dannu fil-letteratura kollha tad-dinja”

Akkużi taʼ seħer ma kellhom bżonn ebda evidenza taʼ ħtija. Il-ktieb Hexen und  Hexenprozesse (Sħaħar u Ġurijiet taʼ Sħaħar) jgħid li individwu kien jgħaddi ġuri “bl-uniku skop li l-kundannat jammetti, permezz tal-persważjoni, tal-pressjoni, jew bil-forza.” It-tortura kienet komuni.

Bi tweġiba għall-ktieb Il-Martell tas-Sħaħar u l-editt maħruġ mill-Papa Innoċenti VIII, bdew tfittxijiet kbar għas-sħaħar fl-Ewropa. Iżjed minn hekk, ingħataw palata minn teknoloġija ġdida, l-istamperija, li għenet biex tinxtered il-manija, saħansitra qasmet l-Atlantiku għall-Amerika.

Min kienu l-akkużati?

’Il fuq sew minn 70 fil-mija tal-akkużati kienu nisa, speċjalment ir-romol, li spiss ma kellhom lil ħadd min jiddefendihom. Il-vittmi inkludew ukoll lill-foqra, lix-xjuħ, u lin-nisa li kienu jagħmlu r-rimedji bil-ħxejjex—speċjalment jekk dawn ma kinux ifejqu. Ħadd ma kien tassew fis-sigurtà—sew jekk kien sinjur jew fqir, raġel jew mara, komuni jew prominenti.

Nies maħsubin li kienu sħaħar kienu jingħataw tort għal kull xorta taʼ ħażen. Jintqal li huma “kkaġunaw il-ġlata u ġabu pesti taʼ bebbux u xgħat biex jeqirdu ż-żerriegħa u l-frott tal-art,” tgħid ir-rivista Ġermaniża Damals. Jekk xita bis-silġ qerdet l-uċuħ tar-rabaʼ, jekk baqra ma kellhiex ħalib, jekk raġel kien impotenti jew mara kienet ħawlija, żgur li t-tort kien tas-sħaħar!

Is-suspettati kienu jintiżnu għax kien maħsub li s-sħaħar kienu jiżnu ftit jew xejn affattu

Kif kienu jintgħarfu s-sħaħar? Uħud mis-suspettati kienu jintrabtu u jitpoġġew f’ilma “mbierek” kiesaħ. Jekk kienu jinżlu fil-qiegħ kienu jitqiesu innoċenti u jinħarġu. Jekk kienu jifflowtjaw, kienu jitqiesu bħala sħaħar u jiġu maqtulin minnufih jew kienu jingħataw biex jgħaddu ġuri. Suspettati oħrajn kienu jintiżnu għax kien maħsub li s-sħaħar kienu jiżnu ftit jew xejn affattu.

Prova oħra kienet tinvolvi tfittxija għall-“marka tax-Xitan,” li kienet “sinjal viżibbli li ħalla x-Xitan meta għamel il-patt tiegħu mas-saħħara,” jgħid Witch Hunts in the Western World. Xi uffiċjali kienu jfittxu għall-marka “billi jqaxxru x-xagħar kollu tal-akkużat u jiflu kull rokna tal-ġisem”—fil-pubbliku! Imbagħad kienu jdaħħlu labra f’kull marka li kienu jsibu, bħal pereżempju birthmarks, felul, u marki taʼ feriti. Jekk it-tingiża ma kinitx tweġġaʼ jew ma kienx joħroġ demm minnha, il-marka kienet titqies bħala li hi taʼ Satana.

Kemm gvernijiet Kattoliċi u kemm Protestanti ppromwovew it-tiftix għas-sħaħar, u f’ċerti nħawi, mexxejja Protestanti kienu iktar ħorox mill-ekwivalenti Kattoliċi tagħhom. Però, maż-żmien ir-raġuni bdiet tirbaħ. Pereżempju, fl-1631, Friedrich Spee, qassis Ġiżwita li kien akkumpanja ħafna nies iġġudikati bħala sħaħar sal-post fejn kellhom jinħarqu ħajjin, kiteb li fil-fehma tiegħu ħadd minnhom ma kien ħati. U li kieku t-tiftix għas-sħaħar kompla mingħajr trażżin, hu wissa li l-pajjiż kien se jiżvojta! Sadattant, it-tobba bdew jirrealizzaw li affarijiet bħal attakki tal-epilessija setgħu kienu konnessi mas-saħħa u mhux maʼ pussess demoniku. Matul is-seklu 17, l-ammont taʼ ġurijiet naqas ġmielu, u sa tmiem dak is-seklu, tistaʼ tgħid li spiċċaw għalkollox.

X’nitgħallmu minn dik l-era tal-biżaʼ? Lezzjoni importanti hi din: Meta dawk li suppost kienu Kristjani bdew jissostitwixxu t-tagħlim pur taʼ Ġesù Kristu b’gideb reliġjuż u superstizzjoni, huma fetħu bieb għal ħażen sfrenat. Meta bassret it-tmaqdir li rġiel żleali bħal dawn kellhom iġibu fuq il-Kristjanità vera, il-Bibbja wissiet: “It-triq tal-verità tiġi mmaqdra.”—2 Pietru 2:1, 2.

^ par. 2 Il-kolonji Ewropej kienu jinkludu l-Ameriki.