Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 INTERVISTA | GUILLERMO PEREZ

Konsulent kirurgu jispjega t-twemmin tiegħu

Konsulent kirurgu jispjega t-twemmin tiegħu

Il-kirurgu Guillermo Perez reċentement irtira minn kap tal-kirurġija fi sptar taʼ 700 sodda fl-Afrika t’Isfel. Għal bosta snin hu kien jemmen fl-evoluzzjoni. Imma iktar tard hu sar konvint li l-ġisem uman kien iddisinjat minn Alla. Stenbaħ! staqsieh dwar it-twemmin tiegħu.

Għidilna jekk jogħġbok għala kien hemm żmien li kont temmen fl-evoluzzjoni.

Għalkemm trabbejt bħala Kattoliku, kelli d-dubji dwar Alla. Pereżempju, ma stajtx nemmen f’Alla li jaħraq lin-nies fl-infern. Għalhekk, meta l-professuri li kelli l-università għallmuni li l-affarijiet ħajjin evolvew u ma kinux maħluqin minn Alla, jien aċċettajt dan il-ħsieb għax ħsibt li kien appoġġat bl-evidenza. Inċidentalment, ir-reliġjon li kelli ma kinitx tirrifjuta l-evoluzzjoni imma sostniet li kienet immexxija minn Alla.

X’qajjimlek l-interess fil-Bibbja?

Marti, Susana, bdiet tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova, li wrewha mill-Bibbja li Alla ma jittorturax lin-nies fin-nar tal-infern.1 Urewha wkoll il-wegħda t’Alla li jagħmel il-pjaneta tagħna ġenna tal-art.2 Fl-aħħar sibna tagħlim li jagħmel sens! Fl-1989, Xhud jismu Nick beda jżurni. Waqt diskussjoni dwar il-ġisem uman u l-oriġini tiegħu, bqajt impressjonat bil-loġika sempliċi tal-kliem misjub fil-Bibbja f’Ebrej 3:4, li jgħid li “kull dar tinbena minn xi ħadd, imma dak li bena kollox hu Alla.”

L-istudju tiegħek tal-ġisem uman għenek taċċetta l-ħolqien?

Iva. Pereżempju, il-mod kif il-ġisem ifejjaq lilu nnifsu ġie ddisinjat bil-ħsieb. Il-fejqan taʼ ġerħa, pereżempju, jinvolvi erbaʼ fażijiet, waħda tkompli mal-oħra. Dan fakkarni li bħala kirurgu, jien sempliċement kont qed naħdem bis-sistema taʼ fejqan tal-ġisem stess.

Għidilna, x’jiġri meta ġisimna jiġi ferut?

F’temp taʼ sekondi, tibda taħdem l-ewwel fażi minn serje taʼ proċessi ddisinjati  biex iwaqqfu d-demm. Dawn il-proċessi huma estremament kumplessi u effiċjenti. Inżid ngħid li s-sistema ċirkulatorja tagħna, li fiha xi 100,000 kilometru taʼ vini, bilfors li jgħiru għaliha l-plamers għax kapaċi ssodd fejn inixxi u ssewwi lilha nfisha.

X’inhu involut fit-tieni fażi tal-fejqan?

Id-demm jieqaf fi ftit sigħat u tibda l-infjammazzjoni. L-infjammazzjoni tinvolvi sekwenza taʼ proċessi li ġġiblek għajnejk wara widnejk. L-ewwel, il-vini li qabel kienu djiequ biex inaqqsu t-telf taʼ demm, issa jagħmlu l-kontra. Jitwessgħu biex iżidu ċ-ċirkulazzjoni tad-demm fejn hemm il-ġerħa. Imbagħad, fluwidu li fih ħafna proteini jneffaħ il-parti mweġġgħa. Dan il-fluwidu hu vitali biex jiġġieled kontra l-infezzjoni, inaqqas is-saħħa tal-veleni, u jneħħi ċ-ċelluli ħżiena. Kull pass jirrikjedi l-produzzjoni taʼ miljuni taʼ molekuli speċjalizzati u ċelluli f’serje taʼ passi. Inċidentalment, uħud minn dawn il-passi jservu taʼ stimulanti għall-fażi li jmiss, imbagħad jieqfu jaħdmu.

Il-fejqan kif ikompli?

Fi ftit jiem, ġisimna jibda jiġġenera materjali għall-fejqan, proċess li jimmarka l-bidu tat-tielet fażi u li jilħaq il-quċċata tiegħu bejn wieħed u ieħor f’ġimagħtejn. Ċelluli li jifformaw bħal ħjut tal-laħam għal fuq il-ferita jimxu għall-erja milquta u jimmultiplikaw. Ukoll, vini rqaq jinbtu u jikbru lejn l-erja effettwata, fejn ineħħu l-iskart u jwasslu iktar nutriment għall-fejqan. F’serje kumplessa oħra taʼ passi, ċelluli speċjali jifformaw biex jiġbdu t-truf tal-ferita flimkien.

Attività ġmielha! Kemm jgħaddi żmien sa ma jkun lest il-fejqan?

L-aħħar stadju, imsejjaħ tiswir mill-ġdid, jistaʼ jdum għaddej ix-xhur. Għadam miksur jiġi rrestawrat għas-saħħa li kellu qabel, u l-fibri li għall-ewwel kienu jaqsmu minn naħa għall-oħra taʼ ferita b’ċelluli rotob jiġu mibdulin b’materjali iktar b’saħħithom. Kollox maʼ kollox, kif il-ġisem ifejjaq lilu nnifsu hu eżempju li jgħaġġbek taʼ koordinazzjoni pprogrammata għall-aħħar.

Tistaʼ tiftakar f’xi każ li veru impressjonak?

Meta nara kif il-ġisem ifejjaq lilu nnifsu, nibqaʼ mbellah

Iva. Niftakarni nikkura tfajla taʼ 16-il sena li kienet vittma t’inċident ikrah tal-karozza. It-tfajla kienet f’qagħda kritika b’milsa mċarrta u kellha telf taʼ demm internament. Snin ilu konna noperaw biex infejqu jew inneħħu l-milsa. Illum, it-tobba jistrieħu iktar fuq il-kapaċità li għandu l-ġisem biex ifejjaq lilu nnifsu. Jien sempliċement tajtha trattament għall-infezzjoni, telf taʼ fluwidi, anemija, u wġigħ. Ftit ġimgħat wara, scan wera li l-milsa tagħha kienet fieqet! Meta nara kif il-ġisem ifejjaq lilu nnifsu, nibqaʼ mbellah. U jien konvint iktar li ġejna ddisinjati minn Alla.

X’ġibdek lejn ix-Xhieda taʼ Ġeħova?

Huma minn tagħna, u dejjem weġbuli l-mistoqsijiet mill-Bibbja. Ammirajt ukoll kif jaqsmu t-twemmin tagħhom bil-kuraġġ u jgħinu lil oħrajn isiru jafu dwar Alla.

Li sirt Xhud taʼ Ġeħova għenek fix-xogħol tiegħek?

Iva. Għenni nkampa bl-għeja taʼ kumpassjoni (compassion fatigue), forma taʼ eżawriment emozzjonali li spiss jeffettwa lit-tobba u lill-infermiera li kontinwament ikollhom x’jaqsmu maʼ nies morda jew feruti. Ukoll, meta l-pazjenti riedu jitkellmu, stajt nispjegalhom il-wegħda tal-Ħallieq tagħna li l-mard u t-tbatija se jintemmu u li hu se jġib dinja li fiha ħadd mhu se jgħid, “Jien marid.” *