Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI SUBJECT | GĦALA TIBQAʼ TGĦIX?

Għax l-affarijiet jinbidlu

Għax l-affarijiet jinbidlu

“Aħna magħfusin b’kull mod, imma mhux marsusin li ma nistgħux niċċaqalqu; mifxulin, imma mhux li m’għandniex assolutament minfejn noħorġu.”—2 KORINTIN 4:8.

Is-suwiċidju ġie msejjaħ “soluzzjoni permanenti għal problema temporanja.” Allavolja diffiċli temmen, problema li tinkwetak—saħansitra waħda li tidher li m’għandekx kontroll fuqha—għandha mnejn tkun waħda temporanja. Infatti, tistaʼ taqleb għall-aħjar għal għarrieda.—Ara l-kaxxa  “Iċ-ċirkustanzi tagħhom inbidlu.”

Anki jekk dan ma jiġrix, ikun l-aħjar li ssolvi l-problemi li jkollok ġurnata wara l-oħra. “Qatt tkunu ansjużi dwar l-għada,” qal Ġesù, “għax l-għada se jkollu l-ansjetajiet tiegħu. Hu biżżejjed għal kull ġurnata l-ħażen tagħha.”—Mattew 6:34.

Imma xi ngħidu jekk iċ-ċirkustanza tiegħek ma tistax tinbidel? Pereżempju, ejja ngħidu li għandek marda kronika. Jew xi ngħidu jekk id-disprament li tħoss ġej minn sitwazzjoni li ma tistax titreġġaʼ lura, bħal pereżempju, żwieġ imkisser jew il-mewt taʼ xi ħadd maħbub?

Anki f’ċirkustanzi bħal dawn, hemm xi ħaġa li tistaʼ tbiddel: il-ħarsa tiegħek lejn is-sitwazzjoni. Billi titgħallem taċċetta dak li ma tistax tbiddel, aktarx iktar se jkollok it-tendenza li tqis l-affarijiet minn ħarsa iżjed pożittiva. (Proverbji 15:15) U aktarx ikollok iktar tendenza ssib modi biex tkampa mas-sitwazzjoni minflok ma tispiċċa tuża mezzi drastiċi biex ittemmha. Ir-riżultat? Tibda tieħu xi naqra kontroll fuq dik li tidher li hi sitwazzjoni li ma tistax tikkontrollaha.—Ġob 2:10.

FTAKAR DAN: Ma tistax titlaʼ muntanja b’pass wieħed; però, tistaʼ tilqaʼ l-isfida pass wara ieħor. L-istess hu minnu għall-maġġoranza tal-ostakli li tiltaqaʼ magħhom, jidhru kemm jidhru li huma bħal muntanja.

X’TISTAʼ TAGĦMEL ILLUM: Tkellem maʼ xi ħadd—forsi xi ħabib jew membru tal-familja—dwar is-sitwazzjoni tiegħek. Dik il-persuna tistaʼ tgħinek tħares lejn is-sitwazzjoni tiegħek b’iktar bilanċ.—Proverbji 11:14.