Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | ŻGĦAŻAGĦ

Kif taċċetta l-korrezzjoni

Kif taċċetta l-korrezzjoni

L-ISFIDA

“Meta xi ħadd jikkoreġik, dik il-persuna bażikament tkun qed tgħidlek li qed tagħmel xi ħaġa ħażina. U jien ma naf lil ħadd li jgħid, ‘Jien tgħidx kemm nieħu pjaċir meta jgħiduli li qed nagħmel xi ħaġa ħażina!’”—Amy, 17-il sena. *

Int issibha diffiċli taċċetta l-korrezzjoni mingħand il-ġenituri, l-għalliema, u adulti oħrajn? Jekk inhu hekk, dan l-artiklu se jgħinek.

DAK LI GĦANDEK TKUN TAF

Kulħadd għandu bżonn il-korrezzjoni.

“Ilkoll nitfixklu ħafna drabi.”—Ġakbu 3:2.

“M’hemmx minn xiex tistħi f’li jkollok bżonn tiġi kkoreġut meta tagħmel xi ħaġa ħażina.”—Jessica.

Jekk tkun ikkoreġut ma jfissirx li m’int kapaċi għal xejn.

“Ġeħova * jwiddeb lil min iħobb, bħalma jagħmel missier lil ibnu li bih jitgħaxxaq.”—Proverbji 3:12.

“Meta xi ħadd jikkoreġini, nipprova niffoka fuq kemm ikun diffiċli għalih li jagħmel dan u kemm jirrikjedi mħabba biex itini l-parir.”—Tamara.

Il-korrezzjoni tistaʼ tgħinek issir persuna aħjar.

“Isimgħu mid-dixxiplina u siru għorrief.”—Proverbji 8:33.

“Il-korrezzjoni hi essenzjali biex timmatura. Tagħtik id-dehen taʼ kif ħaddieħor jarak u tgħinek taqtaʼ drawwiet ħżiena li għandu mnejn lanqas biss tkun taf li għandek.”—Deanne.

 DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Qis il-kwistjoni minn ħarsa differenti. Forsi tieħu għalik jekk tiġi kkoreġut. Imma pprova insa ftit kif tħossok. Biex tagħmel dan, għal mument qis il-kwistjoni minn ħarsa differenti, jiġifieri li inti qed tagħti l-istess parir lil xi ħadd ieħor—forsi lil ħuk jew oħtok iżgħar minnek. Tistaʼ issa tara għall-inqas xi ħaġa tajba fil-parir? Issa pprova qis is-sitwazzjoni tiegħek bl-istess ħarsa.—Prinċipju Bibliku: Ekkleżjasti 7:9.

“Xi drabi tant tistaʼ tieħu għalik minħabba l-kritika li tinsa li l-individwu kien qed jipprova jgħinek issir persuna aħjar; ma kienx qed jipprova jweġġagħlek is-sentimenti tiegħek.”—Theresa.

Ibqaʼ umli. Tħallix il-kburija ġġiegħlek tinjora l-korrezzjoni. Mill-banda l-oħra, tħallix lilek innifsek tingħeleb mill-iskuraġġiment sempliċement minħabba li għandek fuqiex taħdem. L-umiltà se tgħinek tevita ż-żewġ estremi. Ftakar: Il-korrezzjoni li tweġġaʼ l-iktar tistaʼ tkun il-korrezzjoni li għandek bżonn l-iktar. Jekk tirrifjutaha, ikun għal liema raġuni jkun, titlef opportunità prezzjuża biex timmatura.—Prinċipju Bibliku: Proverbji 16:18.

Il-korrezzjoni li tweġġaʼ l-iktar tistaʼ tkun il-korrezzjoni li għandek bżonn l-iktar

“Biex issir adult matur ikun importanti li taċċetta l-korrezzjoni. Jekk ma nitgħallmux naċċettawha u nikbru permezz tagħha, maż-żmien inbatu.”—Lena.

Kun grat. Anke jekk issibha diffiċli taċċetta l-korrezzjoni, għala ma tesprimix il-gratitudni tiegħek lil min ikun tahielek? Bla dubju, dik il-persuna qed tfittex l-interessi tiegħek u sinċerament tixtieqek tirnexxi.—Prinċipju Bibliku: Salm 141:5.

“Dejjem jaħbatlek tajjeb jekk tgħid ‘Grazzi,’ speċjalment jekk il-korrezzjoni jkollok bżonnha. Anke jekk ma jkollokx bżonnha, tistaʼ turi manjieri tajbin u tesprimi r-ringrazzjament tiegħek għall-isforz li tkun għamlet il-persuna biex tavviċinak.”—Carla.

^ par. 4 Xi ismijiet ġew mibdulin f’dan l-artiklu.

^ par. 11 Ġeħova hu l-isem t’Alla kif muri fil-Bibbja.