Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Ħarsa lejn id-dinja

Ħarsa lejn id-dinja

Spanja

Grupp taʼ xjentisti jaħsbu li attività umana jistaʼ jkun li influwenzat it-terremot tal-2011 f’Lorca, fin-Nofsinhar taʼ Spanja, li qatel disgħa u ħalla għaxriet feruti. Il-ġeoloġi sabu li kien hemm xi ħaġa x’taqsam bejn it-terremot qattiel u l-postijiet li minnhom kienu ttieħdu kwantitajiet kbar taʼ ilma minn taħt l-art għall-irrigazzjoni.

Iċ-Ċina

Turisti miċ-Ċina nefqu 102 biljun dollaru Amerikan fuq vjaġġar internazzjonali fl-2012. Skont il-UN World Tourism Organization, din il-figura għall-ewwel darba tpoġġi liċ-Ċina l-ewwel fl-infiq f’turiżmu internazzjonali—qabel il-Ġermanja u l-Istati Uniti. Turisti internazzjonali minn kull wieħed minn dawn iż-żewġ pajjiżi nefqu xi 84 biljun dollaru Amerikan.

Il-Ġappun

Il-ġurnal mediku Britanniku BMJ irrapporta dwar studju li segwa kważi 68,000 ruħ fil-Ġappun fuq medja taʼ 23 sena. Xi riċerkaturi sabu li nisa li twieldu bejn l-1920 u l-1945 u li bdew ipejpu qabel kellhom 20 sena għexu fuq medja t’għaxar snin inqas minn nisa li qatt ma pejpu; l-irġiel għexu tmien snin inqas.

Il-Mawritanja

L-importazzjoni, il-manifattura, u l-użu tal-basktijiet tal-plastik ġew ipprojbiti sabiex tiġi protetta l-ħajja t’annimali tal-baħar u tal-art, li jistgħu jmutu jekk jikluhom. Minflok, il-gvern qed jippromwovi l-użu t’alternattivi bijodigradabbli.

Id-Dinja

Telf f’assikurazzjoni li jirriżulta minn diżastri tat-temp jammonta għal xi 50 biljun dollaru Amerikan fis-sena. Dan it-telf, li jinkludi kalkulazzjoni li tagħmel tajjeb għall-għoli tal-ħajja, iktar minn irdoppja kull għaxar snin sa mis-snin 80.