Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IL-ĦARSA TAL-BIBBJA

L-Ispiritiżmu

L-Ispiritiżmu

Huwa ħażin li tipprova tikkomunika mal-mejtin?

“Iddurux lejn il-medji taʼ l-ispirti . . . u b’hekk issiru mhux nodfa minħabba fihom.”—Levitiku 19:31.

DAK LI JGĦIDU N-NIES

Wieħed jistaʼ jifhem li n-nies ikunu jridu jiġu aċċertati li l-maħbub tagħhom li jkun mitilhom ma jkunx qed isofri. Għalhekk, jgħidu: “Min jaf kieku nipprovaw nikkuntattjawh permezz taʼ medjum psikiku, jew tal-ispirti? Forsi l-medjum jistaʼ jgħinna naċċettaw il-mewt tiegħu u jkollna l-paċi tal-moħħ.”

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Il-Bibbja hija ċara dwar li l-ħajjin jipprovaw jikkuntattjaw il-mejtin—prattika li kienet komuni fl-antik. Pereżempju, il-Liġi li Alla Ġeħova ta lill-ġens taʼ Iżrael kienet tgħid: “M’għandux jinstab fik xi ħadd . . . li jikkonsulta maʼ medjum taʼ l-ispirti jew . . . li jistħarreġ dwar il-mejtin. Għax kulmin jagħmel dawn l-affarijiet ikun xi ħaġa mistkerrha għal Ġeħova.” (Dewteronomju 18:10-12) Il-Bibbja tgħid ukoll li dawk li jipprattikaw l-ispiritiżmu f’xi forma jew oħra tiegħu ‘ma jirtux is-saltna t’Alla.’—Galatin 5:19-21.

 Jistgħu l-mejtin jinfluwenzaw lill-ħajjin?

“Il-ħajjin jafu li għad imutu; imma l-mejtin ma jafu assolutament xejn.” —Ekkleżjasti 9:5.

DAK LI JGĦIDU N-NIES

Ħafna nies isostnu li l-mejtin jistgħu jibqgħu jeżistu f’xi forma oħra. Għalhekk, huma għandhom mnejn jipprovaw jikkomunikaw mal-mejtin, forsi biex jiksbu xi informazzjoni jew biex jikkalmaw lill-mejtin bit-tama li dawn iħallu lill-ħajjin fil-paċi.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

“Il-ħajjin jafu li għad imutu; imma l-mejtin ma jafu assolutament xejn . . . L-imħabba u l-mibegħda u l-għira tagħhom [li ħassew meta kienu għadhom ħajjin] diġà għabu.” (Ekkleżjasti 9:5, 6) Iva, il-Bibbja tgħallem li l-mejtin huma sempliċement mejtin—u xejn iktar! Huma la jistgħu jaħsbu, la jaġixxu, u lanqas saħansitra jqimu lil Alla. “Il-mejtin ma jfaħħruhx lil [Alla], lanqas kulmin jinżel fis-skiet [tal-mewt],” jgħid Salm 115:17.

Ma jipprovdux kultant il-medji tal-ispirti dettalji eżatti?

“Għandhom persuni mejtin jiġu mistoqsijin għan-nom taʼ persuni ħajjin?” —Isaija 8:19.

DAK LI JGĦIDU N-NIES

Xi wħud jgħidu li l-medji tal-ispirti huma kapaċi jagħtu informazzjoni li l-mejtin u l-familja tagħhom jew ħbiebhom biss x’aktarx li jkunu jafuha.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Kapitlu 28 tal-ktieb tal-1 Samwel jgħid kif sultan żleali jismu Sawl m’obdiex il-kmand t’Alla li kien jipprojbixxi li wieħed jikkonsulta maʼ medji tal-ispirti. Hu talab lil medjum, mara li dehret li kienet qed tikkomunika mal-mejjet Samwel li kien bniedem t’Alla. Imma fil-fatt, kienet hi kkuntattjat lil Samwel? Le! Hi kienet attwalment qed tikkomunika maʼ impustur—xi ħadd li kien qed jagħmilha tal-mejjet Samwel.

Dak l-impustur kien spirtu mill-agħar, aġent taʼ “missier il-gidba”—Satana. (Ġwanni 8:44) L-ispirti mill-agħar, jew id-demonji, għala jxerrdu t-twemmin li l-mejtin jibqgħu ħajjin? Il-mira tagħhom hi biex jimmalafamaw lil Alla u jtellfu l-krettu tal-Kelma miktuba tiegħu, il-Bibbja.—2 Timotju 3:16.

Ifisser dan li għadna kif semmejna li m’hemmx tama għall-mejtin? Xejn affattu! Il-Bibbja twiegħed irxoxt fil-futur għal dawk li jinsabu bħallikieku ‘reqdin’ fil-qabar. * (Ġwanni 11:11-13; Atti 24:15) Sadattant, niġu aċċertati li l-maħbubin mejtin tagħna mhuma qed isofru bl-ebda mod.

^ par. 16 Kapitlu 7 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? huwa intitolat “Tama Vera għall-Maħbubin Tiegħek li Mietu.”