Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 TITWILA LEJN IL-PASSAT

Kostantinu

Kostantinu

Kostantinu kien l-ewwel imperatur Ruman li stqarr li hu Kristjan. Billi għamel dan, hu influwenza l-istorja tad-dinja profondament. Hu adotta din ir-reliġjon li qabel kienet ippersegwitata u qabbadha triq li wasslet biex jissawwar il-Kristjaneżmu. Għalhekk, l-hekk imsejħa Kristjanità saret “l-iktar aġenzija soċjali u politika b’saħħitha” li qatt influwenzat il-korsa tal-istorja, skont The Encyclopædia Britannica.

GĦALA għandu jimpurtak minn imperatur Ruman tal-qedem? Jekk int interessat fil-Kristjanità, għandek tkun taf li l-manuvri reliġjużi u politiċi taʼ Kostantinu effettwaw it-twemmin u l-prattiki taʼ ħafna reliġjonijiet sal-ġurnata tal-lum. Ejja naraw kif.

IL-KNEJJES—LEGALIZZATI U MBAGĦAD SFRUTTATI

Fis-sena 313 WK, Kostantinu ħakem fuq l-Imperu Ruman tal-Punent, waqt li Licinius u Maximinus ħakmu fuq il-Lvant. Kostantinu u Licinius taw ’il kulħadd il-libertà tal-qima, inkluż lill-Kristjani. Kostantinu pproteġa l-Kristjanità għax kien ħaseb li din ir-reliġjon setgħet tgħaqqad l-imperu tiegħu. *

Kostantinu għalhekk xejn ma ħa pjaċir li sab il-knejjes mifrudin minħabba li kellhom xi jgħidu bejniethom. Ħerqan biex isib qbil, hu pprova jistabbilixxi mbagħad impona, duttrina “tajba.” Biex ikollhom l-approvazzjoni tiegħu, l-isqfijiet kellhom jagħmlu kompromessi reliġjużi, u dawk li għamlu dan ingħataw eżenzjonijiet mit-taxxa u appoġġ finanzjarju ġeneruż. L-istorjografu Charles Freeman qal li “l-fatt li jaċċettaw il-verżjoni t-‘tajba’ tad-duttrina Kristjana, ta aċċess mhux biss għas-sema, imma wkoll għal riżorsi immensi fuq l-art.” B’hekk, il-kleru sar figura b’saħħitha  fl-affarijiet tad-dinja. “Il-Knisja kienet akkwistat protettur,” jgħid l-istorjografu A.H.M. Jones, “imma kienet akkwistat ukoll sid.”

“Il-Knisja kienet akkwistat protettur imma kienet akkwistat ukoll sid.”—A.H.M. Jones, storjografu

X’TIP TAʼ KRISTJANITÀ?

Wieħed mir-riżultati tal-alleanza taʼ Kostantinu mal-isqfijiet kien reliġjon bi twemmin li kien parti Kristjan u parti pagan. Ma setax ikun mod ieħor, ladarba l-iskop tal-imperatur kien li jgħaqqad ir-reliġjonijiet, mhux li jfittex il-verità reliġjuża. Wara kollox, kien mexxej taʼ imperu pagan. Biex jogħġob liż-żewġ gruppi reliġjużi, hu għażel li “ma jkunx ċar fl-għemejjel u t-tmexxija inġenerali tiegħu apposta,” kiteb wieħed storjografu.

Waqt li stqarr li kien difensur tal-Kristjanità, Kostantinu żamm sieq waħda fil-paganiżmu. Pereżempju, hu pprattika l-astroloġija u t-teħbir—attivitajiet tal-okkult ikkundannati mill-Bibbja. (Dewteronomju 18:10-12) Fuq l-Arkata taʼ Kostantinu f’Ruma, hu jidher jissagrifika lil allat pagani. Baqaʼ jonora lill-alla-xemx billi poġġieh fuq il-muniti u ppromwova l-kult tal-alla-xemx. Iktar tard f’ħajtu, Kostantinu saħansitra ppermetta lil villaġġ żgħir fl-Umbria, l-Italja, biex jibni tempju ddedikat lilu u lill-familja tiegħu u ħatar qassisin biex jaqdu hemm.

Kostantinu ppospona l-magħmudija “Kristjana” tiegħu sa ftit jiem qabel miet fis-sena 337 WK. Ħafna skulari jemmnu li hu għamel dan sabiex iżomm l-appoġġ politiku kemm tal-Kristjani u kemm tal-pagani fl-imperu tiegħu. Ċertament, l-istorja taʼ ħajtu u l-fatt li dam ma tgħammed iqajmu d-dubji dwar is-sinċerità tal-fidi li qal li kellu fi Kristu. Però, ħaġa waħda hi ċerta: Ir-reliġjon li lleġittma Kostantinu saret entità politika u reliġjuża b’saħħitha, waħda li b’hekk tat daharha lil Kristu u ħaddnet lid-dinja. Ġesù qal dwar is-segwaċi tiegħu: “M’humiex parti mid-dinja, bħalma jien m’iniex parti mid-dinja.” (Ġwanni 17:14) Minn din ir-reliġjon—li issa saret dinjija—ħarġu denominazzjonijiet bla għadd.

Xi jfisser għalina dan kollu? Ifisser li m’għandniex sempliċement naċċettaw it-tagħlim taʼ xi reliġjon imma li għandna neżaminawh fid-dawl tal-Bibbja.—1 Ġwanni 4:1.

^ par. 6 Saru ħafna dibattiti dwar is-sinċerità tat-twemmin Kristjan taʼ Kostantinu, minn banda peress li, bħalma tgħid referenza waħda, hu ppermetta l-qima pagana anke lejn l-aħħar tar-renju tiegħu.