Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI

Kif tinvesti l-ħin tiegħek bil-għaqal

Kif tinvesti l-ħin tiegħek bil-għaqal

“Mhux li kelli iktar ħin!” Min jaf kemm-il darba għedt hekk! Sa ċertu punt, il-ħin hu l-istess għal kulħadd, għax il-kbarat u l-għonja m’għandhomx iktar ħin mill-foqra u n-nies komuni. Barra minn hekk, la l-għonja u lanqas il-foqra ma jistgħu jġemmgħu l-ħin. Ladarba jkun għadda, ikun għadda għal dejjem. Mela, il-ħaġa għaqlija hi li tuża tajjeb il-ħin li jkollok. Kif? Ikkunsidra erbaʼ strateġiji li għenu lil ħafna nies jinvestu ħinhom bil-għaqal.

L-1 strateġija: Kun organizzat

Agħmel prijoritajiet. ‘Aċċertaw ruħkom minn dak li hu iktar importanti,’ huwa l-parir tal-Bibbja. (Filippin 1:10) Ħejji lista t’affarijiet li għandek tagħmel u li huma importanti jew urġenti jew it-tnejn li huma, u żomm f’moħħok li dak li hu importanti—pereżempju, li tixtri l-ikel għal filgħaxija—għandu mnejn mhux bilfors ikun urġenti. U dak li għandu mnejn jidher urġenti—li tilħaq il-programm favorit tiegħek fuq it-televixin mill-bidu—jistaʼ ma jkunx importanti. *

Aħseb bil-quddiem. “Jekk għodda tal-ħadid ma tibqax taqtaʼ u xi ħadd ma jsinnhiex, imbagħad ikollu juża l-enerġija kollha tiegħu,” jgħid Ekkleżjasti 10:10, imma “l-għerf ikun taʼ siwi.” Il-lezzjoni? Sinn l-għodda tiegħek, biex ngħidu hekk, billi tippjana minn qabel sabiex tkun tistaʼ tuża l-ħin tiegħek bl-iktar mod effettiv. Ipposponi jew warrab affarijiet li mhumiex essenzjali u li ftit li xejn jagħmlu ħlief li jaħlulek il-ħin u l-enerġija. Jekk issib li issa għandek il-ħin għax tkun laħħaqt max-xogħol, għala ma tagħmilx xi biċċa xogħol li tkun ippjanajt għal iktar tard? Meta taħseb bil-quddiem, int se tkun iktar produttiv, bħal ħaddiem għaqli li jsinn l-għodda tiegħu.

Issimplifika ħajtek. Tgħallem għid le għal affarijiet li mhumiex importanti jew li ftit li xejn jagħmlu ħlief jaħlulek il-ħin. Wisq attivitajiet u appuntamenti jistgħu jżidu l-istress bla bżonn u jisirqulek il-ferħ.

 It-2 strateġija: Evita affarijiet li jisirqulek il-ħin

Tnikkir u indeċiżjoni. “Min joqgħod għassa tar-riħ ma jiżrax; u min joqgħod iħares lejn is-sħab ma jaħsadx.” (Ekkleżjasti 11:4) Il-lezzjoni? It-tnikkir huwa ħalliel kemm tal-ħin u kemm tal-produttività. Bidwi li joqgħod jistenna sakemm il-kundizzjonijiet ikunu perfetti għandu mnejn qatt ma jiżraʼ ż-żerriegħa jew jaħsad il-prodott tiegħu. Bl-istess mod, aħna nistgħu nħallu l-inċertezzi tal-ħajja jġegħluna nkunu indeċiżi. Jew inkella nistgħu nħossu li jkollna nistennew sakemm ikollna sal-inqas nitfa informazzjoni rilevanti qabel ma nieħdu deċiżjoni. M’għandniex xi ngħidu, deċiżjonijiet importanti jeħtieġu riċerka u ħsieb. “Min hu prudenti jqis il-passi tiegħu,” jgħid Proverbji 14:15. Imma r-realtà hi li ħafna deċiżjonijiet jinvolvu xi inċertezzi.—Ekkleżjasti 11:6.

Perfezzjoniżmu. “L-għerf li ġej minn fuq [jew minn Alla] hu . . . raġunevoli,” jgħid Ġakbu 3:17. M’għandniex xi ngħidu, livelli għoljin huma taʼ min ifaħħarhom! Iżda, xi drabi, tant nistgħu nagħmlu livelli għoljin li nistiednu d-diżappunt u saħansitra l-falliment. Pereżempju, xi ħadd li qed jitgħallem lingwa oħra jrid ikun lest li jagħmel xi żbalji, konxju li hu se jitgħallem minnhom. Però, perfezzjonista x’aktarx li jibżaʼ jgħid xi ħaġa żbaljata—attitudni li żżommu lura milli jimxi ’l quddiem. Kemm ikun aħjar li nkunu modesti fl-istennijiet tagħna! “L-għerf hu mal-modesti,” jgħid Proverbji 11:2. Barra minn hekk, il-modesti u l-umli ma jiħduhiex bi kbira meta jiżbaljaw u ġeneralment jafu jidħqu bihom infushom.

“Fir-realtà, l-affarijiet mhux bil-flus tħallas għalihom. Tħallas għalihom bil-ħin.”—What to Do Between Birth and Death

 It-3 strateġija: Kun bilanċjat u realistiku

Żomm il-bilanċ fix-xogħol u r-rikreazzjoni. “Aħjar id mimlija bil-mistrieħ milli tnejn mimlijin bix-xogħol iebes u l-ġiri wara r-riħ.” (Ekkleżjasti 4:6) Nies li moħħhom biss fix-xogħol spiss jiċċaħħdu minn frott ‘idejhom it-tnejn mimlijin bix-xogħol iebes.’ Huma sempliċement ma jibqgħalhom ebda ħin jew enerġija. Mill-banda l-oħra, l-għażżenin jagħżlu li ‘jdejhom it-tnejn’ ikunu mimlijin mistrieħ, u b’hekk jaħlu ħin prezzjuż. Il-Bibbja tinkuraġġixxi ħarsa bilanċjata: Aħdem iebes u gawdi l-premju. Ferħ bħal dan hu “l-għotja t’Alla.”—Ekkleżjasti 5:19.

Orqod biżżejjed. “Nimtedd u norqod fil-paċi,” qal wieħed mill-kittieba tal-Bibbja. (Salm 4:8) Il-biċċa l-kbira mill-adulti jeħtieġu madwar tmien sigħat irqad kull lejl biex jiksbu bis-sħiħ il-benefiċċji fiżiċi, emozzjonali, u intellettwali. Dwar dan tal-aħħar, l-irqad huwa investiment tajjeb tal-ħin għax jgħin il-konċentrazzjoni u jtejjeb il-memorja, u b’hekk iżid it-tagħlim. In-nuqqas taʼ rqad, madankollu, ifixkel it-tagħlim u jikkontribwixxi għall-inċidenti, l-iżbalji, u l-irritabilità.

Agħmel miri realistiċi. “Aħjar tara b’għajnejk milli tixxennaq b’ruħek.” (Ekkleżjasti 6:9) X’inhu l-punt? Bniedem bil-għaqal ma jħallix sempliċi xewqat jikkontrollawlu ħajtu, speċjalment xewqat li għandhom mnejn ma jkunux realistiċi jew li jkunu impossibbli li jiġu sodisfati. Għaldaqstant, hu ma jiġix imħajjar minn reklamar makakk jew minn self faċli. Minflok, hu jitgħallem ikun kuntent b’dak li jistaʼ fil-fatt jikseb—‘dak li jaraw għajnejh.’

 Ir-4 strateġija: Ħalli prinċipji tajbin jiggwidawk

Ara xi prinċipji għandek. Il-prinċipji tiegħek jgħinuk biex tiżen x’inhu tajjeb, importanti, u utli. Kieku ħajtek kienet vleġġa, il-prinċipji tiegħek kienu jimmiraw dik il-vleġġa. Għalhekk, il-prinċipji tajbin jgħinuk biex tagħmel prijoritajiet tajbin fil-ħajja u tagħmel l-aħjar użu mill-ħin tiegħek, siegħa b’siegħa, ġurnata b’ġurnata. Fejn tistaʼ ssib prinċipji bħal dawn? Ħafna nies iduru lejn il-Bibbja għax jirrikonoxxu l-għerf superjuri li fiha.—Proverbji 2:6, 7.

Agħmel l-imħabba l-aqwa prinċipju tiegħek. L-imħabba “hi rabta perfetta li tgħaqqad,” jgħid Kolossin 3:14. Ma nistgħux inkunu verament ferħanin u jkollna sigurtà emozzjonali mingħajr imħabba, speċjalment fil-familja. Nies li jinjoraw dan il-fatt, forsi billi jkunu moħħhom biex jiksbu r-rikkezzi u jkollhom karriera, fil-fatt mhux se jkunu ferħanin. Iva, bir-raġun, il-Bibbja tqis l-imħabba bħala li hi l-aqwa prinċipju, u ssemmiha mijiet taʼ drabi.—1 Korintin 13:1-3; 1 Ġwanni 4:8.

Warrab ħin biex issir taf lil Alla. Raġel jismu Geoff kellu mara li tħobbu, żewġt itfal ferħanin, ħbieb tajbin, u impjieg premjanti bħala paramediku. Imma xogħlu spiss ġabu wiċċ imb wiċċ mas-sofferenza u l-mewt. Hu staqsa: “Hekk suppost tkun il-ħajja?” Imbagħad, darba minnhom qara xi letteratura Biblika ppubblikata mix-Xhieda taʼ Ġeħova u sab tweġibiet sodisfaċenti.

Geoff spjega lil martu u lil uliedu dak li kien qed jitgħallem, u huma wkoll bdew jinteressaw ruħhom. Il-familja bdiet tistudja l-Bibbja, u dan tejbilhom ħajjithom u għenhom jinvestu l-ħin tagħhom ferm iktar bil-għaqal. L-istudju tagħhom tal-Bibbja tahom ukoll it-tama meraviljuża taʼ ħajja taʼ dejjem f’dinja ħielsa mill-frugħa u t-tbatija.—Rivelazzjoni 21:3, 4.

L-esperjenza taʼ Geoff tfakkarna fi kliem Ġesù Kristu, meta qal: “Henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.” (Mattew 5:3) Lest int li twarrab ftit tal-ħin biex tissodisfa dan il-bżonn li ssir taf lil Alla? Ċertament, ebda investiment mhu se jagħtik l-għerf biex tibbenefika l-iktar, mhux biss minn kull ġurnata imma wkoll minn ħajtek kollha kemm hi.

^ par. 5 Ara “20 Mod Kif Tagħmel Iktar Ħin,” fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! taʼ Lulju-Settembru 2010.