L-ISFIDA

Bintek tgħidlek li hi stressjata. ‘Taʼ 13-il sena?’ tistaqsi lilek innifsek bla ma trid temmen. ‘Għadha żgħira wisq biex tkun taf x’jiġifieri l-istress!’ Però, qabel ma tgħidilha hekk, ikkunsidra xi raġunijiet għala l-ħajja tistaʼ tidher taʼ piż għal tfajla adoloxxenti.

GĦALA JIĠRI DAN

Tibdil fiżiku. Il-bidla f’daqqa li tiġi mal-pubertà tistaʼ tikkaġuna ansjetà konsiderevoli lil tfajla, speċjalment jekk dil-bidla ssir wara—jew qabel—taʼ sħabha. “Jiena kont waħda mill-ewwel tfajliet li kelli nilbes bra, u ħassejtni skomda ħafna,” tgħid Anna, * li issa għandha 20 sena. “Ħdejn tampari ħassejtni stramba, bħallikieku m’iniex normali!”

Tibdil emozzjonali. Karen, li issa għandha 17, tiftakar: “Kien frustranti li ma kontx inkun naf għala kont tant ferħana matul il-ġurnata imma iktar tard bil-lejl kont nibki bħal tarbija. Ma kontx naf x’kien qed jiġrili. Kien bħallikieku ma kellix kontroll fuq l-emozzjonijiet tiegħi.”

Jiġi l-ewwel pirjid. “Għalkemm ommi kienet ippreparatni, l-ewwel pirjid li kelli qabadni fuq sieq waħda,” tgħid mara żagħżugħa jisimha Kathleen. “Kont nieħu doċċa ħafna drabi kuljum għax il-ħin kollu kont inħossni maħmuġa. Barra minn hekk, it-tliet ħuti subien ikbar minni kienu jinkuni bla ħniena. Huma ħasbu li dak li kont għaddejja minnu kien xi ħaġa tad-daħq.”

Pressjoni mis-soċjetà. Marie, li issa għandha 18, tiftakar: “Meta kelli bejn 12 u 14-il sena, il-pressjoni minn tampari l-veru kienet qawwija. It-tfal tal-iskola fejn kont immur kienu kattivi maʼ kull min kien differenti.” Anita, taʼ 14-il sena, tgħid: “Hu kruċjali għal żgħażagħ tal-età tiegħi li jiġu aċċettati minn grupp taʼ ħbieb, u jekk ma jaċċettawkx tħossok imkissra.”

 DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Ħeġġeġ lil bintek titkellem dwar l-istress li tħoss. Għall-ewwel, għandu mnejn ma tkunx trid titkellem. Imma kun paċenzjuż u segwi l-parir tal-Bibbja u ‘kun ħafif biex tismaʼ, tqil biex titkellem.’—Ġakbu 1:19.

Tiħux l-istress taʼ bintek biċ-ċajt. Ftakar li hi m’għandhiex l-esperjenza li għandek int fil-ħajja, u għalhekk forsi tgħaġġibha xi ftit għax tkun għadha ma tgħallmitx kif tkampa bl-istress.—Prinċipju Bibliku: Rumani 15:1.

Tgħabbix lil bintek b’ħafna attivitajiet żejda. Skont il-ktieb Teach Your Children Well, żgħażagħ li l-iskeda tagħhom tkun mimlija żżejjed “spiss juru sinjali taʼ stress, partikularment sinjali fiżiċi bħal uġigħ taʼ ras jew uġigħ fl-istonku.”—Prinċipju Bibliku: Filippin 1:9, 10.

Kun ċert li bintek torqod biżżejjed. Spiss, l-irqad hu l-ewwel ħaġa li ż-żgħażagħ jittraskuraw. Madankollu, mingħajru, l-abbiltà biex bintek taħseb u biex tevita l-istress se tonqos.—Prinċipju Bibliku: Ekkleżjasti 4:6.

Għin lil bintek issib modi pożittivi biex ittaffi l-istress. Għal xi tfajliet, l-eżerċizzju jnaqqas l-ansjetà. Il-Bibbja tgħid li “t-taħriġ tal-ġisem hu taʼ benefiċċju.” (1 Timotju 4:8) Tfajliet oħrajn isibu li jekk jiktbu fid-djarju, dan jgħinhom iżommu l-istress taħt kontroll. “Meta kont iżgħar,” tiftakar Brittany taʼ 22 sena, “kont nikteb dwar problemi li ma stajtx insolvi. Dan għenni nifhem kif verament kont inħossni dwar problema, u mbagħad kien ikun iktar faċli biex insolviha jew sempliċement ninsieha.”

Agħti l-eżempju. Kif tkampa int bl-istress? Titgħabba iktar milli tiflaħ imbagħad tippanikja meta tiġi biex tagħmel l-affarijiet? Taħdem iebes iżżejjed, tant li tinfileġ u ma tiħux il-ħin għall-affarijiet iktar importanti tal-ħajja? “Ħa jkun jaf kulħadd kemm intom raġunevoli,” jgħid Filippin 4:5. Ftakar, l-adoloxxent tiegħek qed jara l-eżempju tiegħek u jitgħallem minnu—għat-tajjeb jew għall-ħażin.

^ par. 6 L-ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.