L-Istati Uniti

“Wieħed li jpejjep jiswa lil min iħaddmu . . . $5,816 iktar kull sena meta mqabbel maʼ wieħed li ma jpejjipx,” jgħid rapport fin-New York Times. Skont informazzjoni miġbura minn riċerkaturi tal-Ohio State University, il-medja tal-ispiża żejda stmata rriżultat minn brejks għat-tipjip, spejjeż ogħla f’kura medika, u nuqqas t’attendenza għax-xogħol. Fattur ieħor kien telf fil-produttività, aktarx riżultat tas-sintomi skomdi li jkun hemm għax ma tkunx qed tittieħed nikotina.

L-Italja

“L-inkonsistenza min-naħa tas-saċerdoti u l-fidili bejn dak li jgħidu u dak li jagħmlu, bejn il-kliem u l-istil tal-ħajja, qiegħda therri l-kredibilità tal-Knisja.” —Il-Papa Franġisku.

Il-Malasja

L-awtoritajiet tal-Malasja sabu 24 tunnellata t’avorju li ddaħħlu b’kuntrabandu—iżjed minn 1,000 sinna twila tal-iljunfanti (tusks)—moħbijin f’żewġ konsenji taʼ injam tal-kawba. Xi konservazzjonisti qalu li s-sejba kienet l-ikbar waħda li qatt saret. It-tagħbija ntbagħtet mit-Togo u kienet destinata għaċ-Ċina.

L-Afrika

Skont rapport tal-2012 maħruġ mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, 63 fil-mija tal-imwiet kienu kkaġunati minn mard li jittieħed, partikularment l-HIV/AIDS, mard tad-dijarea, malarja, tuberkulosi, u mard tat-tfal.

L-Awstralja

Applications (apps) taʼ logħob li jixbah lil dak tal-ażżard fuq l-ismartphones u apparat ieħor saru popolari fost it-tfal. Xi apps jixbhu logħob veru li jintlagħab fil-każinò imma huma iktar faċli li tirbaħhom. Rapport tal-gvern iwissi li logħob bħal dan jistaʼ jġiegħel lit-tfal iħossu li l-logħob tal-ażżard huwa aċċettabbli “u jistaʼ jwassalhom biex ikollhom il-vizzju tal-logħob fil-futur.”