Ħalaq Alla l-art f’sitt ijiem taʼ 24 siegħa l-wieħed, bħalma jsostnu xi wħud?

“Fil-bidu Alla ħalaq is-smewwiet u l-art.” —Ġenesi 1:1.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Alla ħalaq l-univers, inkluż l-art, imma l-Bibbja ma tgħidx eżatt meta—skont Ġenesi 1:1, “fil-bidu.” Fi żmienna, ix-xjenza taqbel li l-univers kellu bidu. Ix-xjenzjati reċentement jissuġġerixxu li ilu jeżisti kważi 14-il biljun sena.

Il-Bibbja tiddeskrivi wkoll sitt “ijiem” taʼ ħolqien. Madankollu, ma tgħidx li dawn kienu jiem taʼ 24 siegħa l-wieħed. (Ġenesi 1:31) Fil-fatt, il-Bibbja tuża l-kelma “jum” biex tirreferi għal diversi perijodi taʼ żmien. Pereżempju, issejjaħ il-perijodu kollu kemm hu tal-ħolqien bħala “dakinhar li Alla Ġeħova għamel l-art u s-sema.” (Ġenesi 2:4) Milli jidher, dawn il-“jiem” taʼ ħolqien damu ħafna eluf taʼ snin.—Salm 90:4.

GĦALA HU IMPORTANTI

L-ideat foloz taʼ dawk li jemmnu bil-ħolqien jistgħu jwassluk biex tinjora l-Bibbja għalkollox. Mill-banda l-oħra, jekk fil-Bibbja fil-fatt insibu rakkont kredibbli tal-ħolqien, int tistaʼ tibbenefika mill-ħażna kbira taʼ “għaqal” li fiha.—Proverbji 3:21.

 Uża Alla l-evoluzzjoni biex joħloq il-ħajja fuq l-art?

“Alla ssokta jgħid: ‘Ħa tnissel l-art erwieħ ħajjin skond ġenshom.’” —Ġenesi 1:24.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Alla m’għamilx il-ħajja f’forma sempliċi u mbagħad ippermetta li tevolvi f’forom iktar komplessi. Pjuttost, hu ħalaq kemm-il “ġens” bażiku taʼ pjanti u annimali komplessi, li mbagħad nisslu “skond ġenshom.” (Ġenesi 1:11, 21, 24) Dan il-proċess, li għadu sejjer sal-lum, wassal biex l-art tkun mimlija b’kemm-il “ġens” simili taʼ ħajja li Alla ħalaq oriġinarjament.—Salm 89:11.

Il-Bibbja ma tispeċifikax kemm-il varjazzjoni jistaʼ jkun hemm f’ġens wieħed, bħalma jistaʼ jirriżulta meta annimali tal-istess razza jitgħammru u jadattaw għall-ambjent tagħhom. Filwaqt li xi wħud iqisu dan l-adattament bħala forma taʼ evoluzzjoni, ebda tip ġdid taʼ ħajja ma jiġi prodott. Ir-riċerka moderna tappoġġa l-idea li l-kategoriji bażiċi taʼ pjanti u annimali ftit li xejn inbidlu matul perijodi twal ħafna taʼ żmien.

GĦALA HU IMPORTANTI

L-eżattezza xjentifika tal-Bibbja f’li tiddeskrivi tipi bażiċi taʼ ħajja ssaħħaħ il-kredibilità tagħha f’oqsma oħra, inkluż fl-istorja u fil-profezija.

Mnejn ġiet il-materja prima tal-univers?

“Idejja stess firxu s-smewwiet.” —Isaija 45:12.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Alla huwa s-Sors taʼ qawwa, jew enerġija, infinita. (Ġob 37:23) Dan hu sinifikanti, għaliex ix-xjenzjati tgħallmu li l-enerġija tistaʼ tinbidel f’materja. Il-Bibbja tgħid li Alla nnifsu hu s-Sors tal-“abbundanza t’enerġija attiva” li pproduċiet l-univers. (Isaija 40:26) Alla jwiegħed li juża l-qawwa tiegħu biex isostni l-ħolqien tiegħu, għax dwar ix-xemx, il-qamar, u l-kwiekeb, il-Bibbja tgħid: “[Alla] jżommhom weqfin għal dejjem, għal żmien indefinit.”—Salm 148:3-6.

GĦALA HU IMPORTANTI

L-astronomu Allan Sandage darba qal: ‘Ix-xjenza ma tistax twieġeb l-iktar mistoqsijiet profondi. Malli tistaqsi għala hemm xi ħaġa minflok m’hemm xejn tkun qed tgħid li l-metodi xjentifiċi normali ma jistgħux jipprovdu t-tweġiba għala jeżisti l-univers.’ Il-Bibbja, mhux talli tispjega l-ħolqien b’mod li hu fi qbil max-xjenza imma talli twieġeb ukoll mistoqsijiet li x-xjenza ma tistax tweġibhom—bħal, X’inhu l-iskop t’Alla għall-art u għall-bnedmin? *

^ par. 16 Għal iktar informazzjoni, ara kapitlu 3 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Disponibbli wkoll onlajn f’www.jw.org/mt.