Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 INTERVISTA | FENG-LING YANG

Mikrobijologa tispjega t-twemmin tagħha

Mikrobijologa tispjega t-twemmin tagħha

Feng-Ling Yang hi riċerkatriċi kkwalifikata fl-akkademja ċentrali għar-riċerki f’Taipei, Taiwan. Ir-riżultati taʼ xogħolha ġew ippubblikati f’ġurnali xjentifiċi. Kienet temmen fit-teorija tal-evoluzzjoni. Imma mbagħad biddlet fehmitha. Stenbaħ! staqsieha dwar ix-xjenza u t-twemmin tagħha.

Għidilna dwar it-trobbija tiegħek.

Ommi u missieri kienu foqra ħafna, u ommi qatt ma tgħallmet taqra. Konna nrabbu l-majjali u nkabbru l-ħxejjex fi nħawi li jegħrqu spiss qrib il-belt taʼ Taipei. Il-ġenituri għallmuni l-valur tax-xogħol iebes, u għallmuni wkoll ngħin lil ħaddieħor.

Il-familja tiegħek kienet reliġjuża?

Il-familja tiegħi kienet Taoista. Konna nagħmlu sagrifiċċji reliġjużi imma ma konna nafu xejn dwar Alla. Kont naħseb bejni u bejn ruħi: ‘In-nies għala jsofru? Għala huma egoisti?’ Qrajt kotba dwar it-Taoiżmu u l-Buddiżmu u dwar l-istorja tal-Lvant u tal-Punent. Mort anki xi żewġ knejjes. Imma ma stajt insib l-ebda tweġiba għall-mistoqsijiet tiegħi.

Għala studjajt ix-xjenza?

Kont inħobb il-matematika u kont affaxxinata dwar kif liġijiet fiżiċi u kimiċi jiggvernaw l-istruttura tal-affarijiet. Kollox, mill-univers immens sa mikrobi ċkejknin, għandu struttura li hi kkontrollata b’regoli. U jien ridt nifhimhom dawk ir-regoli.

Għala kont temmen fit-teorija tal-evoluzzjoni?

Ma ġejt mgħallma xejn li jikkontradiha. Mis-sekondarja sal-università, l-evoluzzjoni kienet l-unika spjegazzjoni li smajt. Iktar minn hekk, peress li kont riċerkatriċi taʼ xjenza tal-ħajja, kien mistenni minni li naċċetta l-evoluzzjoni.

Peress li kont riċerkatriċi taʼ xjenza tal-ħajja, kien mistenni minni li naċċetta l-evoluzzjoni

X’ġiegħlek tibda taqra l-Bibbja?

Fl-1996 mort ngħix il-Ġermanja biex inkompli nistudja l-università. Is-sena taʼ wara, iltqajt maʼ mara jisimha Simone. Kienet waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova u offriet li turini mill-Bibbja t-tweġibiet  għall-mistoqsijiet tiegħi. Meta qaltli li l-Bibbja tispjega l-iskop tal-ħajja, qajmitli l-kurżità. Bdejt inqum fl-erbgħa u nofs kull filgħodu biex inqattaʼ siegħa naqra l-Bibbja. Imbagħad kont immur mixja biex nimmedita. Matul is-sena taʼ wara, qrajt il-Bibbja kollha. Bqajt impressjonata bl-eżattezza tal-profeziji li fiha. Bil-mod il-mod ikkonvinċejt ruħi li l-Bibbja ġejja minn Alla.

X’kienu l-ħsibijiet tiegħek dwar l-oriġini tal-ħajja?

Meta bdejt naħseb bis-serjetà dwar dan fl-aħħar tas-snin 90, bijologi molekulari bdew jirrealizzaw li l-kimika tal-ħajja kienet bil-wisq iktar elaborata milli ħadd qatt ħaseb qabel. M’għandniex xi ngħidu, ix-xjenzjati kienu ilhom jafu li l-proteini taċ-ċelluli ħajjin huma l-iktar molekuli kimikament sofistikati li jeżistu. Iżda issa bdew jiskopru kif gruppi sħaħ taʼ proteini huma organizzati biex jifformaw magni eleganti b’partijiet jiċċaqalqu. Magna molekulari tistaʼ tkun komposta minn iktar minn 50 proteina. U anki l-iktar ċellula sempliċi għandha bżonn ġabra taʼ magni differenti—biex pereżempju, tiġġenera s-saħħa, tirdoppja l-informazzjoni, u tikkontrolla x’jgħaddi minn ġol-membrana.

Xi kkonkludejt?

Staqsejt lili nnifsi, ‘Dawn il-magni tal-proteini kif ġew iddisinjati tant tajjeb?’ Dak iż-żmien, il-komplessità mhix mistennija tal-kimika taċ-ċellula wasslet lil numru taʼ xjenzjati biex jistaqsu l-istess mistoqsija. Professur tal-bijokimika fl-Istati Uniti ppubblika ktieb li fih jirraġuna li magni molekulari f’ċelluli ħajjin huma tant kumplessi li ma setgħux oriġinaw bl-addoċċ. Jien qbilt. Ħassejt li l-ħajja bilfors ġiet maħluqa.

Staqsejt lili nnifsi, ‘Dawn il-magni tal-proteini kif ġew iddisinjati tant tajjeb?’

Għala sirt Xhud taʼ Ġeħova?

Bqajt impressjonata għax għalkemm Simone kellha problemi taʼ saħħa, ivvjaġġat xi 56 kilometru kull ġimgħa biex tgħallimni l-Bibbja. Sirt naf li fi żmien il-Ġermanja Nazista xi Xhieda kienu ntbagħtu f’kampijiet tal-konċentrament minħabba li kienu newtrali fil-politika. Il-kuraġġ tagħhom impressjonani profondament. L-imħabba li x-Xhieda għandhom għal Alla ġegħlitni rrid inkun bħalhom.

Ibbenefikajt milli temmen f’Alla?

Il-kollegi tiegħi jgħidu li jien iktar ferħana issa. Kont inħossni inferjuri minħabba t-trobbija fqira tiegħi, u għalhekk qatt ma għedt lil ħadd fejn trabbejt u qatt ma semmejt lill-ġenituri tiegħi. Imma mill-Bibbja tgħallimt li Alla mhux interessat fil-qagħda soċjali. Fil-fatt, Ġesù trabba f’familja li probabbilment kienet fqira daqs tiegħi. Issa nieħu ħsieb il-ġenituri u hu l-pjaċir tiegħi nlaqqagħhom maʼ sħabi.