Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 PAJJIŻI U POPLI

Żjara fl-Italja

Żjara fl-Italja

L-ITALJA hija pajjiż taʼ kuntrasti—minn xtut twal sa katini taʼ muntanji mħarbtin; minn sjuf jikwu fin-Nofsinhar għal xtiewi inġazzati fit-Tramuntana. Hija wkoll pajjiż vulkaniku, iżda ftit vulkani biss—bħalma huma Stromboli u l-Muntanja Etna—huma attivi.

L-Italja hija waħda mill-iktar pajjiżi fl-Ewropa miżgħudin bin-nies. Għaddiet minn taħt idejn ħafna popli, inkluż l-Għarab, il-Biżantini, il-Griegi, in-Normanni, u l-Feniċi.

Il-pajjiż hu mogħni b’teżori storiċi u artistiċi. Fdalijiet tal-qedem Griegi u Rumani jew arkitettura Barokka u taʼ żmien ir-Rinaxximent qegħdin bħallikieku jiddandnu f’ħafna mill-bliet kbar u żgħar tal-Italja. Xogħlijiet taʼ pittura, statwi tal-irħam, u funtani jagħtu l-krettu tagħhom lil artisti bħal Bernini, Michelangelo, u Raphael.

L-ikel hu xi ħaġa importanti fil-ħajja taʼ kuljum u ħafna drawwiet huma marbutin mat-tisjir lokali. L-għaġin spiss jingħata bħala l-ewwel platt, u wara jisserva laħam jew ħut bil-ħaxix. Iż-żejt taż-żebbuġa jintuża bl-abbundanza għax jiġi prodott hemmhekk  fuq skala kbira. Il-pizza u r-risotto huma żewġ platti Taljani popolari.

L-għaġin hu ikel bażiku tal-kċina Taljana

It-Taljani magħrufin li huma dħulin, ospitabbli, u soċjevoli. Huma jħobbu jaqbdu diskursati m’oħrajn, allura huwa komuni li tara n-nies iparlaw fil-pjazez jew mitlufin f’xi diskursata vivaċi waqt xi passiġġata.

Il-biċċa l-kbira mill-popolazzjoni tal-Italja jgħidu li huma Kattoliċi Rumani, imma ftit imorru l-knisja regolarment. Jintqal li l-influwenza tal-knisja battiet fl-aħħar għaxriet taʼ snin. Dan għaliex in-nies injoraw regoli li ilhom żmien twil stabbiliti dwar l-abort u d-divorzju.

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova sejrin tajjeb fl-Italja. Huma magħrufin sew li jgħallmu l-Bibbja bħala parti mill-ministeru pubbliku tagħhom, kif ukoll li jgħixu skont il-prinċipji tagħha. Hemm iktar minn 3,000 kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova madwar il-pajjiż, u ħafna minn dawn il-kongregazzjonijiet qed jilħqu lil nies li jitkellmu b’lingwi oħrajn minbarra t-Taljan. Il-bżonn għal tagħlim mill-Bibbja b’lingwi barranin jidher mill-fatt li matul perijodu reċenti t’għaxar snin, in-numru tan-nies barranin fl-Italja ttriplika.

KONT TAF?

Għalkemm il-Belt tal-Vatikan qiegħda f’Ruma, ilha pajjiż indipendenti sa mill-1929, u b’hekk titqies bħala art barranija miċ-ċittadini tal-Italja.