Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IL-ĦARSA TAL-BIBBJA

Ġesù

Ġesù

Huwa Ġesù Alla?

“Ebda bniedem ma ra lil Alla f’xi żmien.” —Ġwanni 1:18.

DAK LI JGĦIDU N-NIES

Ħafna nies jemmnu li Ġesù mhuwiex Alla. Sadanittant, oħrajn jirreferu għal versi mill-Bibbja li mingħalihom juru li Ġesù hu daqs Alla.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Il-Bibbja ma tagħtiniex x’nifhmu li Ġesù huwa Alla li Jistaʼ Kollox jew li hu daqs Alla. Għall-kuntrarju, din tgħallem biċ-ċar li Ġesù hu inferjuri għal Alla. Pereżempju, fil-Bibbja nsibu l-kliem taʼ Ġesù stess: “Il-Missier akbar minni.” (Ġwanni 14:28) Il-Bibbja tgħid ukoll: “Ebda bniedem ma ra lil Alla f’xi żmien.” (Ġwanni 1:18) Ma jistax ikun li Ġesù hu Alla għaliex fil-fatt lil Ġesù rawh ħafna nies.

L-ewwel segwaċi taʼ Ġesù ma qalux li hu kien Alla. Pereżempju, il-kittieb tal-Evanġelju Ġwanni qal dwar l-affarijiet li ddokumenta: “Dawn inkitbu biex intom temmnu li Ġesù hu l-Kristu, l-Iben t’Alla.”Ġwanni 20:31. *

 Meta twieled Ġesù?

“Kien hemm . . . xi rgħajja, li kienu jgħixu barra, għassa bil-lejl maʼ l-imrieħel tagħhom.”—Luqa 2:8.

DAK LI JGĦIDU N-NIES

Xi nies jiċċelebraw il-Milied fil-25 taʼ Diċembru—data li wħud jaħsbu li hi jum it-twelid taʼ Ġesù. Oħrajn jiċċelebraw jum it-twelid taʼ Ġesù lejn il-bidu taʼ Jannar.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Il-Bibbja ma ssemmix id-data li fiha twieled Ġesù. Madankollu, din tgħid li fiż-żmien meta twieled Ġesù, “kien hemm . . . xi rgħajja, li kienu jgħixu barra, għassa bil-lejl maʼ l-imrieħel tagħhom.” (Luqa 2:8) Ftit li xejn hemm probabbiltà li dawn ir-ragħajja ħallew l-imrieħel tagħhom barra bil-lejl matul Diċembru u Jannar. Għala?

Fl-inħawi fejn twieled Ġesù, Diċembru u Jannar huma l-iktar xhur kesħin tas-sena. Dwar dak iż-żmien tas-sena, il-Bibbja tgħid li n-nies kienu “jirtogħdu . . . minħabba l-ħalbiet tax-xita.” (Esdra 10:9, 13; Ġeremija 36:22) Dak ma kienx iż-żmien tas-sena biex ir-ragħajja “jgħixu barra” mal-imrieħel tagħhom.

Veru li Ġesù reġaʼ għex wara li miet?

“Alla [lil Ġesù] qajmu mill-imwiet.”—Atti 3:15.

DAK LI JGĦIDU N-NIES

Xi nies jemmnu li hu impossibbli li xi ħadd, inkluż Ġesù, jerġaʼ jgħix wara l-mewt.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu li hu kellu “jsofri ħafna . . . u li kellu jiġi maqtul, u fit-tielet jum jiġi mqajjem.” (Mattew 16:21) Il-Bibbja tgħid li wara li nqatel u ġie rxoxtat, Ġesù deher lil iktar minn 500 ruħ. (1 Korintin 15:6) Dawn ix-xhieda li raw b’għajnejhom stess kienu konvinti bla dubju li hu kien ġie mqajjem mill-imwiet. Huma kienu saħansitra lesti li jmutu għal dan it-twemmin!—Atti 7:51-60; 12:1, 2.

GĦALA HU IMPORTANTI

Il-Bibbja tgħallem li l-mewt u l-irxoxt taʼ Ġesù fetħu t-triq għall-bnedmin kollha biex jibbenefikaw mill-wegħda tal-Bibbja taʼ Ġenna fuq l-art. (Salm 37:11, 29; Rivelazzjoni 21:3, 4) Aħna għandna t-tama li ngawdu ħajja ferħana u bla tmiem f’dik il-Ġenna tal-art grazzi għall-imħabba li ntweriet minn Ġesù u Missieru, l-Alla li Jistaʼ Kollox, Ġeħova.—Ġwanni 3:16; Rumani 6:23.

^ Par. 7 Il-Bibbja ma tgħallimx li Alla għandu mara letterali li minnha kellu t-tfal. Minflok, issejjaħ lil Ġesù “l-Iben t’Alla” għaliex Ġesù kien maħluq direttament minn Alla, u għandu kwalitajiet simili għal dawk taʼ Missieru.