“Il-jiem taʼ min isofri kollha huma ħżiena; imma min iħossu tajjeb f’qalbu jinsab f’festa l-ħin kollu.”—Proverbji 15:15.

DAN il-kliem xi jfisser? Jirreferi għall-kundizzjoni mentali u emozzjonali taʼ dak li jkun. “Min isofri” jiffoka fuq in-negattiv—ħarsa li tagħmillu jiemu “ħżiena,” jew miżerabbli. B’kuntrast, dak li “jħossu tajjeb” jipprova jitfaʼ ħarstu fuq il-pożittiv—attitudni li tippromwovi ferħ ġewwieni u ġġiegħlu jħossu “f’festa l-ħin kollu.”

Ilkoll għandna problemi li jistgħu jisirqulna mill-ferħ tagħna. Madankollu, għandna mnejn inkunu nistgħu nagħmlu xi affarijiet li jgħinuna nżommu l-ferħ tagħna meta ngħaddu minn żminijiet diffiċli. Ara x’tgħid il-Bibbja.

  • Tħallix l-ansjetajiet dwar għada jtaqqluk illum. Ġesù Kristu qal: “Tinkwetax dwar għada; se jkollu biżżejjed inkwiet tiegħu stess. M’hemmx għalfejn iżżid mal-inkwiet li kull ġurnata ġġib.”—Mattew 6:34, Good News Translation.

  • Ipprova ffoka fuq l-affarijiet tajbin li għaddejt minnhom. Fil-fatt, meta tħossok imdejjaq, għala ma tagħmilx lista taʼ dawn l-affarijiet tajbin u tirrifletti fuqhom? Ukoll, tiffokax fuq żbalji tal-passat jew għemejjel ħżiena. Tgħallem minnhom u imxi ’l quddiem. Kun bħal sewwieq li jagħti daqqa t’għajn fil-mera biex jara x’qed jiġri wara imma li ma jiffokax fuqha. Ukoll, ftakar li ‘għand [Alla] hemm il-maħfra vera.’—Salm 130:4.

  • Meta l-ansjetajiet itaqqluk, iftaħ qalbek maʼ xi ħadd li kapaċi jgħinek tħossok aħjar. Proverbji 12:25 jgħid: “L-ansjetà” lil qalbna “ttaqqalha, imma l-kelma t-tajba tferraħha.” Din “il-kelma t-tajba” tistaʼ tintqal minn membru tal-familja jew xi ħabib fdat—xi ħadd li mhuwiex sarkastiku jew pessimist imma li “jħobb il-ħin kollu.”—Proverbji 17:17.

Il-pariri kollhom għerf li jinsabu fil-Bibbja għenu lil ħafna wħud isibu iżjed ferħ fil-ħajja, anke fi żmien diffiċli. Jalla dawk il-pariri prezzjużi jgħinu lilek ukoll.