Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IL-ĦARSA TAL-BIBBJA

Id-Dipressjoni

Id-Dipressjoni

X’inhi d-dipressjoni?

“Inħossni konfuż, in-niket tiegħi ġegħelni nitbaxxa sa l-art; il-jum kollu nippassiġġa mdejjaq.” —Salm 38:6.

DAK LI JGĦIDU XI RIĊERKATURI

Kulħadd iħossu mdejjaq xi kultant, imma d-dipressjoni klinika hi marda kontinwa li tħallik bla saħħa u li tfixkel il-ħajja taʼ kuljum. Għandu jiġi notat li mhux l-esperti kollha jaqblu dwar meta wieħed sempliċement iħossu mdejjaq u meta jkun dipress. Madankollu, nistgħu ngħidu li xi nies jesperjenzaw emozzjonijiet negattivi għall-aħħar, u li xi kultant iħossuhom ukoll ma jiswew għal xejn u ħatjin b’mod eċċessiv.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Il-Bibbja ssemmi ħafna rġiel u nisa li esperjenzaw sentimenti negattivi. Pereżempju, Ħanna ħassitha “mimlija mrar”—frażi li ġiet tradotta “qalbha maqsuma” u “mnikkta ferm.” (1 Samwel 1:10) Darba minnhom, il-profeta Elija tant kien maħkum mid-dwejjaq li talab lil Alla biex jiħodlu ħajtu!—1 Slaten 19:4.

Il-Kristjani tal-ewwel seklu ġew mgħallmin biex ‘jikkonslaw lid-dipressi.’ (1 Tessalonikin 5:14) Skont xogħol taʼ referenza, il-kelma “dipressi” tistaʼ tirreferi għal dawk li “huma temporanjament maħkumin mill-istress tal-ħajja.” Jidher ċar li saħansitra rġiel u nisa leali li jissemmew fil-Bibbja ġieli ħassewhom dipressi.

 Hija d-dipressjoni tort taʼ min ibati biha?

“Il-ħolqien kollu għadu jokrob u jħoss l-uġigħ flimkien.”—Rumani 8:22.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Il-Bibbja tgħallem li l-mard hu l-effett tar-ribelljoni tal-ewwel koppja umana. Pereżempju, Salm 51:5 jgħid: “Fl-iżball jien twilidt bl-uġigħ tal-ħlas, u ommi nisslitni bid-dnub.” U Rumani 5:12 jispjega li “permezz taʼ bniedem wieħed [l-ewwel raġel, Adam] id-dnub daħal fid-dinja, u permezz tad-dnub il-mewt, u b’hekk il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha għax kollha dinbu.” Minħabba li writna l-imperfezzjoni mingħand Adam, kull wieħed minna hu suxxettibbli għall-mard, kemm fiżiku kif ukoll emozzjonali. Il-Bibbja tgħid li b’riżultat taʼ dan “il-ħolqien kollu għadu jokrob u jħoss l-uġigħ flimkien.” (Rumani 8:22) Madankollu, il-Bibbja toffri wkoll tama li ebda tabib ma jistaʼ jagħti—il-wegħda t’Alla taʼ dinja ġdida taʼ paċi li fiha se jispiċċa l-mard kollu, inkluż id-dipressjoni.—Rivelazzjoni 21:4.

Kif tistaʼ tkampa mad-dipressjoni?

“Ġeħova hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma; u lil dawk bi spirtu miksur isalvahom.” —Salm 34:18.

GĦALA HU IMPORTANTI

Mhux dejjem tistaʼ tikkontrolla ċ-ċirkustanzi tiegħek, u bla dubju, illum jew għada, se tiġi effettwat minn affarijiet ħżiena. (Ekkleżjasti 9:11, 12) Però, int tistaʼ tiżviluppa strateġija prattika sabiex is-sentimenti negattivi ma jiddominawlekx ħajtek.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Il-Bibbja tirrikonoxxi li min hu marid jeħtieġ tabib. (Luqa 5:31) Għalhekk, jekk tbati minn marda li teffettwalek il-burdata u li tħallik bla saħħa, m’hemm xejn ħażin f’li tfittex għajnuna medika. Il-Bibbja tenfasizza wkoll il-valur tat-talb. Pereżempju, Salm 55:22 jgħid: “Ixħet toqlok fuq Ġeħova, u jsostnik. Hu qatt ma jħalli lill-ġust jogħtor.” It-talb mhuwiex sempliċi mezz biex iġiegħlek tħossok aħjar; huwa komunikazzjoni reali m’Alla Ġeħova, li hu “qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma.”—Salm 34:18.

Int tistaʼ tibbenefika wkoll billi tiftaħ qalbek dwar is-sentimenti tiegħek maʼ ħabib tal-qalb. (Proverbji 17:17) Daniela, li hi waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova, tgħid li Xhud ieħor ipperswadieha bil-ġentilezza biex titkellem dwar id-dipressjoni tagħha. Daniela tgħid: “Għalkemm kont ilni nevita konversazzjoni bħal din għal ħafna snin, minnufih intbaħt li dan kien dak li kelli bżonn daż-żmien kollu. Bqajt mistagħġba dwar kemm ħassejtni mistrieħa wara.”