Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI

Tliet Affarijiet li Ma Jistgħux Jinxtraw bil-Flus

Tliet Affarijiet li Ma Jistgħux Jinxtraw bil-Flus

X’IRONIJA: Saħansitra meta n-nies ikunu mhedda li jitilfu l-impjieg, id-dar, u anki l-pensjoni tagħhom—ħafna minnhom xorta jibqgħu ossessjonati li jakkwistaw kwalunkwe ħaġa li tistaʼ tinxtara bil-flus.

Nies bħal dawn huma mira faċli għal dawk li jirreklamaw, għax il-kampanji tar-reklamar li jħajruk jgħidulna li għandu jkollna dar ikbar, karozza aħjar, u ħwejjeġ tad-ditta. M’għandekx flus? Mhux problema—ixtri bid-dejn! Għal ħafna, il-mira hi li jidhru li huma tat-tajjeb anke jekk ikunu mgħaddsin fid-dejn.

Naturalment, illum jew għada se jkollhom jiffaċċjaw ir-realtà. “Li xi ħadd jixtri affarijiet li jiġbdu l-għajn bid-dejn sabiex jidher jew iħossu li hu xi ħaġa, huwa simili għal xi ħadd li qed jieħu d-droga biex itejjeb il-burdata tiegħu,” jgħid il-ktieb The Narcissism Epidemic. “It-tnejn huma rħas u jaħdmu tajjeb ħafna għall-ewwel—imma biss għall-perijodu qasir ħafna taʼ żmien. Fuq perijodu twil, it-tnejn li huma jħalluk bla sold u dipress.”

Il-Bibbja tikxef il-bluha taʼ dak li ssejjaħlu “l-iffanfrar bil-mezzi tal-ħajja.” (1 Ġwanni 2:16) Il-fatt hu li jekk inkunu ossessjonati bl-affarijiet li għandna, se niġu aljenati mill-iktar affarijiet importanti fil-ħajja—l-affarijiet li ma jistgħux jinxtraw bil-flus. Ikkunsidra tliet eżempji.

 1. L-UNITÀ TAL-FAMILJA

Brianne, * żagħżugħa fl-Istat Uniti, tħoss li missierha jagħti wisq importanza lill-impjieg tiegħu u l-flus li dan irendi. “Għandna kulma neħtieġu u iktar,” tgħid hi, “imma missieri qatt ma jkun id-dar għax dejjem jivvjaġġa. Naf li dan jagħmlu minħabba l-impjieg tiegħu, imma naħseb li għandu responsabbiltà lejn il-familja tiegħu wkoll!”

Aħseb dwar dan: Liema dispjaċiri għandu mnejn ikollu missier Brianne iktar tard fil-ħajja? Billi jpoġġi wisq enfasi fuq l-affarijiet materjali, kif qed jeffettwa r-relazzjoni tiegħu maʼ bintu? Il-familja tiegħu x’għandha bżonn mingħandu iktar milli l-flus?

Prinċipji Bibliċi x’tikkunsidra:

  • “L-imħabba għall-flus tikkawża kull tip taʼ inkwiet. Xi nies tant ikunu jridu l-flus li . . . jġibu ħafna wġigħ fuqhom infushom.”—1 Timotju 6:10, Contemporary English Version.

  • “Aħjar tiekol il-ħaxix maʼ nies li tħobb milli l-aqwa laħam fejn hemm il-mibegħda.”—Proverbji 15:17, Good News Translation.

L-iktar ħaġa importanti: Il-flus ma jistgħux jixtru l-unità tal-familja. Din tiġi biss billi tqattaʼ l-ħin mal-familja tiegħek u tagħtihom biżżejjed imħabba u attenzjoni.—Kolossin 3:18-21.

 2. SIGURTÀ VERA

“Ommi l-ħin kollu tgħidli biex niżżewweġ raġel sinjur u biex nitgħallem sengħa ħalli, f’każ li niġi dahri mal-ħajt, insib impjieg tajjeb u jkolli moħħi mistrieħ għall-bqija taʼ ħajti,” tgħid Sarah taʼ 17-il sena. “Donnu moħħha dejjem jaħseb ħaġa waħda—kif se tkompli takkwista l-flus.”

Aħseb dwar dan: Meta tikkunsidra l-futur, liema tħassib raġunevoli jkollok? It-tħassib meta ma jibqax raġunevoli u jsir inkwiet esaġerat? Omm Sarah kif tistaʼ tagħti parir iktar bilanċjat dwar is-sigurtà finanzjarja?

Prinċipji Bibliċi x’tikkunsidra:

  • “Tibqgħux taħżnu teżori fuq l-art, fejn jittieklu mill-kamla u s-sadid, u fejn jidħlu l-ħallelin biex jisirqu.”—Mattew 6:19.

  • “Ma tafux x’se jsir minnkom għada.”—Ġakbu 4:14.

L-iktar ħaġa importanti: Il-flus imġemmgħin mhux se jiżguraw il-futur tiegħek. Wara kollox, il-flus jistgħu jinsterqu—u ma jistgħux ifejqu l-mard jew jiskansaw il-mewt. (Ekkleżjasti 7:12) Il-Bibbja tgħallem li s-sigurtà vera tiġi mill-fatt li nsiru nafu lil Alla u l-iskop tiegħu.—Ġwanni 17:3.

 3. KUNTENTIZZA PERSUNALI

“Il-ġenituri tiegħi għallmuni ngħix ħajja sempliċi,” tgħid Tanya li għandha 24 sena. “Jien u oħti t-tewmija kellna tfulija ferħana minkejja li fil-biċċa l-kbira kellna biss in-neċessitajiet bażiċi.”

Aħseb dwar dan: Għala jistaʼ jkun diffiċli li tkun kuntent bin-neċessitajiet bażiċi? Fejn tidħol l-attitudni lejn il-flus, int liema eżempju tħalli għall-familja tiegħek?

Prinċipji Bibliċi x’tikkunsidra:

  • “La għandna x’nieklu u biex nitgħattew, għandna nkunu kuntenti b’dawn l-affarijiet.”—1 Timotju 6:8.

  • “Henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.”—Mattew 5:3.

L-iktar ħaġa importanti: Fil-ħajja hemm affarijiet iktar importanti mill-flus u l-affarijiet li jistgħu jixtru. Wara kollox, hu bħalma tgħid il-Bibbja: “Anki meta wieħed ikollu bl-abbundanza, ħajtu ma tiddependix minn dak li għandu.” (Luqa 12:15) Tabilħaqq, l-akbar sodisfazzjon fil-ħajja jiġi mill-fatt li nwieġbu mistoqsijiet importanti bħalma huma:

  • Għala qegħdin hawn?

  • X’hemm jistenniena fil-futur?

  • Kif nistaʼ nissodisfa l-bżonnijiet spiritwali tiegħi?

Il-pubblikaturi taʼ din ir-rivista, ix-Xhieda taʼ Ġeħova, se jkunu ferħanin jgħinuk issib it-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet. Tistaʼ tikkuntattjahom lokalment jew iżżur il-Websajt tagħna jw.org/mt.

^ Par. 8 L-ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.