Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | IŻ-ŻWIEĠ

Meta Jkun Hemm Ħbiberija Żejda

Meta Jkun Hemm Ħbiberija Żejda

L-ISFIDA

Int sirt ħbieb maʼ xi ħadd tas-sess oppost li verament jifhmek. It-tnejn li intom tħossukom komdi titkellmu fuq kollox, u hekk tagħmlu. ‘Aħna sempliċement ħbieb,’ għandek mnejn tirraġuna—għalkemm martek forsi ma taħsibhiex bħalek kieku kellha ssir taf bil-konversazzjonijiet fit-tul li jkollok maʼ din il-persuna. *

X’aktarx li diġà hemm ħbiberija żejda bejnietkom u għandek bżonn tara x’tagħmel. Iżda l-ewwel ikkunsidra għala għandek mnejn sibt ruħek f’relazzjoni bħal din.

GĦALA JIĠRI DAN

Sodisfazzjon. Ngħiduha kif inhi, l-attenzjoni minn dawk tas-sess oppost ġeneralment kulħadd jieħu gost biha. Meta nkunu stmati nħossuna apprezzati u anki attraenti. Wara li tkun ilek miżżewweġ għal xi żmien, għandu mnejn tibda tħossok aħjar fil-kumpanija taʼ ħabiba. Imma kun af dan: Meta l-bżonnijiet tiegħek tissodisfahom maʼ xi ħadd barra ż-żwieġ, ikollok tbati l-konsegwenzi. Meta jkollok relazzjoni emozzjonali mhix xierqa maʼ xi ħadd tas-sess oppost, iddgħajjef ir-relazzjoni maʼ martek. Sa ċertu punt, int tkun qed tisraq l-affezzjoni li suppost tagħti lil martek.

• Staqsi lilek innifsek, ‘Liema bżonnijiet qed tissodisfa din il-ħbiberija li jkun aħjar li jiġu sodisfati fiż-żwieġ tiegħi?’

Vulnerabbiltà. Il-Bibbja tirrikonoxxi li dawk li jiżżewġu se jkollhom xi ftit jew wisq “tribulazzjoni.” (1 Korintin 7:28) Pereżempju, kultant forsi tħoss li martek qed tittraskurak jew ma tapprezzakx, jew inkella għandu mnejn tkun għadek irrabjat dwar xi problema li għadkom ma solvejtuhiex. Forsi martek tevita li titkellem dwar problemi simili, u dan jagħmlek frustrat u vulnerabbli għall-attenzjoni li jistaʼ jurik xi ħadd ieħor. Xi esperti jgħidu li jekk tevita li tiddiskuti kwistjonijiet diffiċli jistaʼ jwassal għal nuqqas taʼ ferħ fiż-żwieġ—u jistaʼ saħansitra jwassal għal divorzju.

• Staqsi lilek innifsek, ‘Inħoss li hemm xi ħaġa nieqsa fiż-żwieġ tiegħi li tagħmilni vulnerabbli għal ħbiberija mhix xierqa?’

 DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Agħraf il-periklu. Il-Bibbja tgħid: “Jistaʼ raġel jiġmaʼ n-nar f’ħobbu u madankollu ħwejġu ma jinħarqux?” (Proverbji 6:27) Il-fatt hu li jekk tiżviluppa relazzjoni romantika maʼ xi ħadd ieħor meta int diġà miżżewweġ, ħsara tagħmel. (Ġakbu 1:14, 15) Mhijiex sempliċement kwistjoni taʼ x’jistaʼ jiġri. Ikkunsidra dak li jkun diġà ġara. Minħabba li tkun tajt attenzjoni bħal din lil ħaddieħor, int tkun sraqt l-attenzjoni li suppost tajt lil martek.

Tqarraqx bik innifsek. Ħbiberija żejda forsi ġġiegħlek taħseb dwar kif setgħet tkun ħajtek kieku żżewwiġt lil din il-persuna. Iżda x’aktarx int qed tqabbel l-affarijiet tajbin taʼ ħabibtek mad-dgħufijiet taʼ martek—ċertament, dan ikun paragun inġust. Ftakar ukoll li l-eċċitament li tesperjenza meta taħseb dwar ħabibtek probabbilment hu l-istess sentiment li ħassejt fil-bidu għall-persuna li żżewwiġt.—Prinċipju Bibliku: Ġeremija 17:9.

Agħmel limiti. In-nies jinstallaw sistema tal-allarm fil-vettura jew id-dar tagħhom biex jevitaw li jiġu misruqin. Int tistaʼ tagħmel xi ħaġa simili għaż-żwieġ tiegħek. Il-Bibbja tgħid: “Ħares lil qalbek.” (Proverbji 4:23) Kif tistaʼ tagħmlu dan? Ipprova dawn is-suġġerimenti:

  • Uri ċar li int diġà impenjat—forsi billi żżomm xi ritratti taʼ martek fuq ix-xogħol.—Prinċipju Bibliku: Ġenesi 2:24.

  • Iddeċiedi x’se tittollera u x’m’intix se tittollera f’dik li hi mġiba maʼ dawk tas-sess oppost. Pereżempju, ma tantx ikun xieraq li titkellem mal-ħabiba dwar il-problemi li għandek fiż-żwieġ jew toħroġ tieħu drink maʼ xi ħadd tas-sess oppost li jaħdem miegħek.

  • Jekk għandek ħbiberija żejda maʼ xi ħadd tas-sess oppost, temm din ir-relazzjoni. Jekk taħseb li dan ikun diffiċli wisq, staqsi lilek innifsek għala. Minflok ma tipprova tiddefendi r-relazzjoni tiegħek maʼ din il-persuna, iddefendi lil martek u ħu passi biex tipproteġi ż-żwieġ tiegħek. —Prinċipju Bibliku: Proverbji 5:18, 19.

^ Par. 4 Għalkemm f’dan l-artiklu spiss jintuża l-maskil, il-prinċipji japplikaw kemm għall-irġiel u kemm għan-nisa miżżewġin.