Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 TITWILA LEJN IL-PASSAT

Zheng He

Zheng He

“Ivvjaġġajna iktar minn mitt elf li * taʼ ilmijiet immensi u rajna fl-oċean mewġ enormi bħal muntanji telgħin lejn is-sema, u xħetna għajnejna fuq postijiet barranin li kienu ’l bogħod ferm . . . waqt li l-qlugħ tagħna nfetaħ bħal sħab lejl u nhar hekk kif mexxiena (b’ħeffa bħal dik) taʼ stilla u dorna maʼ dawk il-ħalel ħorox bħallikieku konna għaddejjin minn xi triq pubblika.”—Iskrizzjoni tas-seklu ħmistax f’Changle, Fujian, iċ-Ċina, li jingħad li nkitbet minn Zheng He.

IĊ-ĊINA hi art t’affarijiet kbar. Għandha l-akbar popolazzjoni u hi wieħed mill-iktar pajjiżi li jkopri art fid-dinja. In-nies tagħha bnew il-Ħajt il-Kbir, wieħed mill-akbar proġetti taʼ kostruzzjoni fl-istorja. Flotta taʼ bastimenti kbar mibnijin mill-Imperaturi Ming taċ-Ċina, Yongle u Xuande, kienet akbar minn kwalunkwe flotta oħra li kellha tinbena fil-ħames sekli taʼ wara. L-ammirall taʼ din il-flotta kien Musulman mil-Lbiċ taċ-Ċina u kien jismu Zheng He.

POTER, NEGOZJU, U TRIBUT

Skont l-iskrizzjoni kwotata parzjalment fil-bidu taʼ dan l-artiklu, il-missjoni taʼ Zheng He kienet “li juri l-poter tal-virtù (imperjali) u li jittratta b’qalb tajba lin-nies minn pajjiżi mbegħdin.” Minħabba l-vjaġġi, l-iskrizzjoni tgħid li “pajjiżi lil hinn mix-xefaq, u mit-trufijiet tal-art, kollha saru sudditi [taċ-Ċina] . . . Barranin li kienu min-naħa l-oħra tal-ibħra . . . ġew biex jidhru quddiem [il-palazz imperjali] u ġabu magħhom oġġetti u rigali prezzjużi.”

Xi wħud mill-portijiet li daħlet fihom il-flotta taʼ Zheng He

Il-mira tal-imperaturi Ming f’li jagħmlu dawn il-vjaġġi kienet suġġett taʼ dibattitu. Xi wħud jaraw lil Zheng He bħala ambaxxatur taʼ kultura u rieda tajba għal nazzjon potenti imma paċifiku. Oħrajn jaraw il-missjoni tiegħu bħala waħda taʼ dominju politiku aggressiv, biex il-pajjiżi jiġu kontrollati  miċ-Ċina. Tabilħaqq, Zheng He offra għotjiet impressjonanti u appoġġ politiku lil dawk il-ħakkiema li laqgħuh, imma lil dawk li ma ridux ikunu sottomessi lejn l-imperatur Ming u jagħtuh tribut bħala rispett, hu għelibhom u ħadhom bħala priġunieri. B’riżultat tal-vjaġġi impressjonanti taʼ Zheng He, għadd taʼ ħakkiema minn madwar l-Oċean Indjan bagħtu ambaxxaturi lejn iċ-Ċina bħala turija taʼ rispett lejn l-imperatur.

Kien x’kien il-każ, il-flotta taʼ Zheng He ġarret ukoll oġġetti miksijin bil-verniċ, porċellani, u drapp tal-ħarir taʼ kwalità superjuri magħmulin minn nies Ming tas-sengħa biex jinnegozjawhom f’portijiet imbegħdin. Il-flotta ġiet lura b’ħaġar prezzjuż, avorju, ħwawar, injam tropikali, u oġġetti oħrajn taʼ lussu li ċ-Ċiniżi jistmawhom ferm. Saħansitra ġabu ġiraff lejn iċ-Ċina, li jingħad li ħoloq eċċitament kbir. Permezz taʼ dan it-tpartit taʼ affarijiet u ideat, il-pajjiżi l-oħrajn raw lemħa taċ-ċivilizzazzjoni impressjonanti Ċiniża tas-seklu 15.

Dawn il-vjaġġi meraviljużi ma komplewx. Għaxriet taʼ snin wara l-vjaġġi taʼ Zheng He, iċ-Ċina waqqfet in-negozju u d-diplomazija maʼ pajjiżi barranin. Peress li ħassew li m’għandhomx iħarsu lil hinn mill-fruntieri Ċiniżi, imperatur ġdid u l-kunsillieri tiegħu, li kollha kienu segwaċi tal-Konfuċjaniżmu, ipprovaw jiżolaw il-pajjiż minn influwenza barranija. Il-flotta tat-teżor saret xi ħaġa tal-passat u mid-dehra qerdu r-rekords tal-vjaġġi impressjonanti tagħhom u saħansitra l-bastimenti stess. Kien biss fi snin reċenti li xi nies, fiċ-Ċina u barra miċ-Ċina, saru jafu b’dik l-epoka grandjuża meta l-flotta enormi taʼ Zheng He qasmet l-ibħra.

^ Par. 3 Il-li hu qies Ċiniż li t-tul tiegħu varja matul is-sekli. Hu maħsub li fi żmien Zheng He, li wieħed kien bejn wieħed u ieħor daqs nofs kilometru.