Dr. Céline Granolleras hi tabiba medika fi Franza li tispeċjalizza fil-mard tal-kliewi. Iktar minn 20 sena wara li saret tabiba waslet għall-konklużjoni li hemm Ħallieq li jimpurtah minna. Stenbaħ! staqsieha dwar xogħolha u l-fidi tagħha f’Alla.

Għidilna ftit dwar it-tfulija tiegħek.

Meta kelli disaʼ snin, il-familja tiegħi telqet minn Franza biex tmur tgħix fi Spanja. Il-ġenituri tiegħi kienu Kattoliċi, imma jiena ma bqajtx nemmen f’Alla meta kelli 16-il sena. Għalija, ir-reliġjon ma kinitx importanti għall-ħajja. Jekk xi ħadd kien jistaqsini kif bdiet il-ħajja jekk m’hemmx Alla, kont inwieġeb, “Għalissa, ix-xjentisti ma jistgħux jispjegaw dan, imma xi darba jirnexxilhom.”

X’qanqlek tistudja dwar il-mard tal-kliewi?

Studjajt fi skola medika f’Montpellier, Franza. Hemmhekk, professur kellimni dwar li naħdem fin-nefroloġija, qasam tal-mediċina li jinvolvi l-kliewi. Dan ix-xogħol kien jinkludi r-riċerka kif ukoll il-ħarsien taʼ pazjenti, u dan kien eżatt dak li ridt nagħmel. Fl-1990, bdejt nieħu sehem f’riċerka dwar l-użu kliniku tal-ormon ġenetiku erythropoietin (EPO) biex tiġi kontrollata l-produzzjoni taċ-ċelluli ħomor fl-għadam. F’dak iż-żmien, kien meqjus bħala qasam pjuttost ġdid tar-riċerka.

X’ġiegħlek tibda taħseb dwar Alla?

Lura fl-1979, ir-raġel tiegħi, Floréal, beda jistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova. Imma jiena ma kontx interessata. Bħala tifla, kont xbajt mir-reliġjon. Minkejja dan, żewġi u wliedi saru Xhieda, u kważi l-ħbieb  kollha tagħna kienu Xhieda wkoll. Waħda minnhom, Patricia, issuġġeriet li nipprova nitlob. Qaltli: “Jekk m’hemm ħadd fis-sema, m’int se tkun tlift xejn, imma jekk hemm xi ħadd, se tara x’jiġri.” Snin wara, bdejt naħseb dwar x’inhu l-iskop tal-ħajja, u ftakart f’dak li kienet qaltli Patricia. Bdejt nitlob biex nifhem.

Għala bdejt taħseb dwar x’inhu l-iskop tal-ħajja?

L-attakk terroristiku fuq il-World Trade Center fi New York ġegħelni nitħasseb dwar għala hemm tant ħażen fis-soċjetà. Ħsibt: ‘Il-fanatiżmu reliġjuż jipperikola l-futur tagħna. Imma jiena mdawra bix-Xhieda taʼ Ġeħova li huma nies paċifiċi. Mhumiex estremisti. Huma jsegwu l-Bibbja. Forsi missni nara dak li tgħid.’ Għalhekk, bdejt naqra l-Bibbja jien stess.

Bħala tabiba, sibtha bi tqila biex temmen f’Ħallieq?

Le. Kelli rispett profond għall-mod sofistikat kif ġisimna hu magħmul. Pereżempju, il-mod kif il-kliewi tagħna jikkontrollaw l-ammont taʼ ċelluli ħomor fid-demm jgħaġġibni.

Għala tgħid hekk?

Intbaħt li Alla biss setaʼ joħloq sistema tant eleganti

Bħalma forsi taf, iċ-ċelluli ħomor tad-demm iġorru l-ossiġnu. Jekk titlef ħafna demm jew jekk tmur fl-għoli ħafna, ġismek mhux se jkollu biżżejjed ossiġnu. Il-kliewi tagħna għandhom sensors tal-ossiġnu. Meta jindunaw li m’hemmx biżżejjed ossiġnu fid-demm, huma jibdew il-produzzjoni tal-EPO, u l-livell tal-EPO fid-demm jistaʼ jitlaʼ sa elf darba iktar minn dak li kien qabel. L-EPO jistimula l-mudullun biex jipproduċi iktar ċelluli ħomor, u dawn iġorru iktar ossiġnu madwar il-ġisem. X’meravilja! Il-ħaġa tal-iskantament hi li studjajt dan il-proċess għal iktar minn 10 snin qabel ma ntbaħt li Alla biss setaʼ joħloq sistema tant eleganti.

X’deherlek mill-Bibbja?

Kont qrajt ħafna kotba tal-istorja u rumanzi famużi, imma mill-ewwel indunajt li l-Bibbja kienet differenti. Il-pariri tagħha tant huma prattiċi li bilfors li ġejjin minn xi sors superjuri għall-bniedem. Il-karattru taʼ Ġesù affaxxinani. Rajt li kien persuna reali. Kellu s-sentimenti u kellu l-ħbieb. Peress li ma ridtx nuża l-pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova, għamilt riċerka f’enċiklopediji u f’xogħlijiet taʼ referenzi oħra meta kelli xi mistoqsijiet.

Fuqiex għamilt riċerka?

Għamilt riċerka fil-kotba tal-istorja . . . Fl-aħħar, wasalt għall-konklużjoni li din il-profezija tal-Bibbja kienet twettqet eżatt fil-ħin u fil-waqt

Fost affarijiet oħra, kelli kurżità dwar il-mod kif il-Bibbja bassret is-sena tal-magħmudija taʼ Ġesù. Turi eżatt kemm kien se jgħaddi żmien bejn l-20 sena tal-ħakma tal-ħakkiem Persjan Artaserse u s-sena li fiha Ġesù kellu jippreżenta lilu nnifsu bħala l-Messija. * Jiena mdorrija nagħmel riċerka—hi parti minn xogħli. Għalhekk, għamilt riċerka fil-kotba tal-istorja biex nikkonferma d-dati tal-ħakma t’Artaserse u d-dati tal-ministeru taʼ Ġesù. Fl-aħħar, wasalt għall-konklużjoni li din il-profezija tal-Bibbja kienet twettqet eżatt fil-ħin u fil-waqt u li bilfors kienet imnebbħa minn Alla.

^ Par. 19 Ara l-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova, paġni 197-199.