Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IL-ĦARSA TAL-BIBBJA

Ġenna

Ġenna

X’inhi l-Ġenna?

DAK LI JGĦIDU N-NIES

Xi wħud jaħsbu li l-Ġenna mhi xejn ħlief ħrafa. Oħrajn jemmnu li hi ġnien perfett li fih in-nies tajbin se jgħixu għal dejjem u jieħdu sehem f’attivitajiet li huma taʼ ġid u taʼ ferħ.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Il-kelma “ġenna” ntużat biex tirreferi għall-ewwel dar tal-umanità, il-ġnien tal-Għeden. (Ġenesi 2:7-15) Il-Bibbja tiddeskrivi dan il-ġnien bħala post reali fejn l-ewwel koppja umana għexu ħelsin mill-mard u l-mewt. (Ġenesi 1:27, 28) Peress li m’obdewx lil Alla, l-ewwel koppja ma tħallewx ikomplu jgħixu fil-ġenna. Madanakollu, bosta profeziji tal-Bibbja jiddeskrivu futur li fih il-bnedmin se jerġgħu jgawdu Ġenna.

DAN GĦALA GĦANDU JINTERESSAK?

Jekk Alla jħobb, mela jkun jagħmel sens li jippremja lil dawk li jaqduh lealment b’ħajja tajba f’post bħal Ġenna. Ukoll, jagħmel sens li jgħid lin-nies b’dak li għandhom bżonn jagħmlu sabiex jiksbu l-approvazzjoni t’Alla. Il-Bibbja tgħid li tistaʼ tikseb l-approvazzjoni t’Alla billi tieħu għarfien dwaru u billi tobdi l-kmandi tiegħu.—Ġwanni 17:3; 1 Ġwanni 5:3.

“Alla Ġeħova ħawwel ġnien fl-Għeden, . . . u hemmhekk poġġa lir-raġel li kien sawwar.”—Ġenesi 2:8.

 Fejn hi l-Ġenna?

DAK LI JGĦIDU N-NIES

Xi wħud jemmnu li l-Ġenna hi fis-sema, filwaqt li oħrajn jgħidu li se tiġi stabbilita fuq l-art fil-futur.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Il-Ġenna oriġinali għall-bnedmin kienet fuq l-art. Jidher ċar daqs il-kristall li Alla ħejja l-art bħala d-dar permanenti tal-bnedmin. Il-Bibbja tgħid li Alla għamel l-art biex tibqaʼ għal dejjem. (Salm 104:5) Tgħid ukoll: “Taʼ Ġeħova huma s-smewwiet, imma l-art taha lil ulied il-bnedmin.”—Salm 115:16.

Mela ma nissorprendux ruħna li l-Bibbja twiegħed li se jkun hawn Ġenna fuq l-art. Fiha, Alla se jbierek lill-umanità b’ħajja taʼ dejjem. L-armonija u l-paċi se jkunu kotrana. L-uġigħ u t-tbatija se jkunu xi ħaġa tal-passat. U n-nies se jkunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ l-għeġubijiet naturali tal-pjaneta tagħna.—Isaija 65:21-23.

“It-tinda t’Alla hi mal-bnedmin, . . .  u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.”—Rivelazzjoni 21:3, 4.

Min se jgħix fil-Ġenna tal-art?

DAK LI JGĦIDU N-NIES

Ħafna reliġjonijiet jgħallmu li n-nies tajbin biss se jgħixu fil-Ġenna tal-art. Imma hemm ħafna taħwid dwar xi jfisser li tkun “tajjeb.” Xi wħud jaħsbu li hu biżżejjed li sempliċement tieħu sehem f’ċerimonji reliġjużi u f’talb ripetut.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Il-Bibbja tgħallem li “l-ġusti” se jgħixu fil-Ġenna tal-art. Imma min hu ġust f’għajnejn Alla? Mhux il-persuna li tieħu sehem f’ċerimonji tar-reliġjon tagħha filwaqt li tinjora r-rieda t’Alla. Il-Bibbja tgħid: “Jitgħaxxaq Ġeħova bl-offerti tal-ħruq u bis-sagrifiċċji daqskemm jitgħaxxaq b’wieħed li jismaʼ minn leħen Ġeħova? Ara! Li tobdi hu aħjar minn xi sagrifiċċju.” (1 Samwel 15:22) Fil-qosor, “il-ġusti” li se jgħixu għal dejjem fil-Ġenna tal-art huma dawk li jobdu l-kmandi t’Alla kif tniżżlu fil-Bibbja.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL INT

L-ubbidjenza lejn il-kmandamenti t’Alla tinvolvi iktar milli tipparteċipa f’ċerimonji reliġjużi. Bil-kondotta tiegħek taʼ kuljum tistaʼ togħġob jew ma togħġobx lil Alla. Tistaʼ titgħallem kif togħġob lil Alla billi teżamina l-Bibbja bir-reqqa. U mhux diffiċli biex togħġbu. Il-Bibbja tgħid li “l-kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” (1 Ġwanni 5:3) Alla hu ħerqan biex jippremja l-ubbidjenza tiegħek billi jagħtik il-privileġġ li tgħix fil-Ġenna tal-art.

“Il-ġusti se jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.”—Salm 37:29.