Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI

Kif Trabbi Tfal Qalbhom Tajba f’Dinja Egoistika

Kif Trabbi Tfal Qalbhom Tajba f’Dinja Egoistika

KULL ġurnata ġġib magħha bosta opportunitajiet biex in-nies jagħmlu affarijiet tajbin għal ħaddieħor. Iżda, donnu ħafna wħud jaħsbu biss fihom infushom. Tistaʼ tara evidenza taʼ dan kważi kull fejn tħares—nies jingannaw lil ħaddieħor b’mod sfaċċat, sewqan bl-addoċċ, lingwaġġ vulgari, u rjus sħan.

Il-mentalità taʼ “l-ewwel jien” teżisti wkoll f’ħafna familji. Pereżempju, xi miżżewġin jiddivorzjaw sempliċement għax xi ħadd minnhom iħoss li “jistħoqqlu aħjar minn hekk.” Saħansitra xi ġenituri għandhom mnejn, bla ma jkunu jafu, inaqqxu f’uliedhom l-attitudni taʼ “l-ewwel jien.” Kif? Billi jagħtuhom kulma jkunu jridu, filwaqt li joqogħdu lura milli jagħtuhom xi tip taʼ dixxiplina.

B’kuntrast, ħafna ġenituri oħrajn qegħdin iħarrġu lil uliedhom biex ipoġġu lil oħrajn qabilhom, u dan tassew jiswielhom taʼ ġid. X’aktarx li tfal li juru qalb tajba jkollhom iktar ħbieb u jgawdu relazzjonijiet iktar dejjiema. X’aktarx li jħossuhom iktar kuntenti. Għala? Għax il-Bibbja tgħid, “hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”—Atti 20:35.

Jekk int ġenitur, kif tistaʼ tgħin lil uliedek jaħsdu l-benefiċċji li jiġu meta wieħed ikun qalbu tajba u jevitaw li jiġu effettwati mill-mentalità taʼ madwarhom, jiġifieri, li wieħed ikun medhi fih innifsu? Ikkunsidra tliet nases li jistgħu jippromwovu attitudni taʼ “l-ewwel jien” f’uliedek, u ara kif tistaʼ tevita dawn in-nases.

 1 it-Tifħir Żejjed

Il-problema. Ir-riċerkaturi nnotaw tendenza allarmanti: Ħafna żgħażagħ adulti qed jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jispikka l-fatt li jippretendu li għandhom ċerti drittijiet—attitudni li ġġegħelhom jippretendu li jiksbu suċċess, anki jekk ikunu għamlu ftit jew xejn biex jiksbuh. Xi wħud sempliċement jassumu li se jiġu mlaħħqin għal karigi ogħla mil-lum għal għada, saħansitra mingħajr ma jkunu tgħallmu s-sengħa meħtieġa. Oħrajn jinsabu konvinti li huma speċjali u li jistħoqqilhom jiġu trattati bħala tali—u mbagħad isewdu qalbhom meta jintebħu li n-nies m’għandhomx l-istess ħarsa tagħhom.

Il-kaġun. Kultant il-fatt li wieħed jippretendi li għandu ċerti drittijiet huwa marbut mat-trobbija. Pereżempju, xi ġenituri ġew influwenzati żżejjed mill-iżvilupp li seħħ fis-snin reċenti dwar il-fiduċja li wieħed ikollu fih innifsu. Il-prinċipji tiegħu kienu jidhru raġunevoli: Jekk ftit tifħir huwa tajjeb għat-tfal, ħafna tifħir huwa aħjar. Mill-banda l-oħra, il-mentalità kienet li jekk turi xi tip taʼ diżapprovazzjoni tkun biss qed tiskuraġġixxi lit-tfal. U f’dinja li moħħha biex tibni l-fiduċja taʼ dak li jkun fih innifsu, il-ġenituri ma kinux jitqiesu bħala tajbin jekk ma jsegwux din il-mentalità l-ġdida. It-tfal qatt m’għandhom jiġu mġegħlin ma jħossuhomx tajbin dwarhom infushom—jew għall-inqas hekk intqalilhom il-ġenituri.

B’hekk, ħafna ommijiet u missirijiet bdew jagħtu tifħir bla rażan u bla heda lil uliedhom, saħansitra anki meta t-tfal ma kienu jagħmlu ebda ħaġa taʼ min ifaħħarha. Kull ħaġa li kien jirnexxilhom jagħmlu, żgħira kemm hi żgħira, kienet tiġi ċelebrata; kull żball, kbir kemm hu kbir, kienu jagħlqu għajnejhom għalih. Dawn il-ġenituri kienu jemmnu li s-sigriet biex jgħinu lil uliedhom jibnu l-fiduċja fihom infushom kien li jinjoraw il-ħażin u jfaħħru kwalunkwe ħaġ’oħra. Il-fatt li ġġiegħel lit-tfal iħossuhom tajbin dwarhom infushom kien sar iktar importanti milli tgħallimhom iwettqu affarijiet li setgħu verament iħossuhom tajjeb dwarhom.

Dak li tgħid il-Bibbja. Il-Bibbja tirrikonoxxi li t-tifħir hu xieraq meta jkun mistħoqq. (Mattew 25:19-21) Imma jekk tfaħħar lit-tfal sempliċement biex iġġegħelhom iħossuhom tajbin tistaʼ tkun qed twassalhom biex jiżviluppaw ħarsa żbaljata lejhom infushom. Il-Bibbja b’mod xieraq tgħid: “Jekk xi ħadd jaħseb li hu xi ħaġa meta m’hu xejn, iqarraq bih innifsu.” (Galatin 6:3) Mhux taʼ b’xejn li l-Bibbja tgħid lill-ġenituri: “Toqgħodx lura milli tikkoreġi lil uliedek. Mhux se toqtolhom billi tkun sod.” *Proverbji 23:13, Contemporary English Version.

X’tistaʼ tagħmel int. Agħmilha l-mira tiegħek li tagħti korrezzjoni meta tkun meħtieġa u tifħir meta jkun verament mistħoqq. Tagħtix tifħir sempliċement biex iġġiegħel lil uliedek iħossuhom tajbin dwarhom infushom. X’aktarx li mhux se  tirnexxi. “Il-fiduċja vera fik innifsek tiġi meta bil-mod il-mod ittejjeb it-talenti tiegħek u meta titgħallem affarijiet ġodda,” jgħid il-ktieb Generation Me, “u mhux billi jgħidulek li int speċjali sempliċement għax teżisti.”

“Taħsibx li int xi ħaġa iktar milli suppost. Minflok, kun modest.”—Rumani 12:3, Good News Translation

2 Il-Protezzjoni Żejda

Il-problema. Ħafna żgħażagħ adulti li jidħlu fid-dinja tax-xogħol donnhom ma jkunux preparati tajjeb biex ikampaw mal-problemi. Xi wħud iħossuhom imnikktin saħansitra mal-iċken kritika li ssirilhom. Oħrajn huma pittmi u jaċċettaw biss impjieg li jkun jilħaq il-ħtiġijiet għoljin tagħhom. Pereżempju, fil-ktieb Escaping the Endless Adolescence, Dr. Joseph Allen jitkellem dwar żagħżugħ li waqt intervista għal impjieg qallu: “Qed inħoss li kultant xi aspetti minn dan l-impjieg jistgħu jkunu xi ftit monotoni, u jien ma rridx ikolli monotonija f’xogħli.” Dr. Allen jikteb: “Donnu ma fehemx li l-impjiegi kollha għandhom xi element taʼ monotonija. Kif jistaʼ jkun li żagħżugħ taʼ 23 sena ma jkunx jaf xi ħaġa bħal din?”

Il-kaġun. F’dawn l-aħħar għaxriet taʼ snin, ħafna ġenituri ħassew li kellhom jipproteġu lil uliedhom minn kwalunkwe tip taʼ problema. Bintek m’għaddietx minn xi eżami? Intervieni u esiġi li l-għalliem jgħolli l-marka. Ibnek qalaʼ xi ċitazzjoni? Ħallaslu l-multa. Relazzjoni taʼ mħabba li ma rnexxietx? Itfaʼ t-tort kollu fuq il-persuna l-oħra.

Filwaqt li huwa naturali li tkun trid tipproteġi lil uliedek, il-protezzjoni żejda tistaʼ twasslilhom il-messaġġ żbaljat—li m’għandhomx bżonn jerfgħu r-responsabbiltà għal dak li jkunu għamlu. “Minflok ma jitgħallmu li jistgħu jkampaw mat-tbatija u mad-diżappunti, u saħansitra jitgħallmu minnhom,” jgħid il-ktieb Positive Discipline for Teenagers, “[dawn] it-tfal jitrabbew estremament egoċentriċi, konvinti li d-dinja u l-ġenituri tagħhom iridu jbaxxu rashom għal kulma jgħidu huma.”

Dak li tgħid il-Bibbja. Il-problemi huma parti mill-ħajja. Fil-fatt, il-Bibbja tgħid: “Affarijiet ħżiena jiġru lil kulħadd!” (Ekkleżjasti 9:11, Easy-to-Read Version) Dan jinkludi lin-nies tajbin. Pereżempju, l-appostlu Kristjan Pawlu ssaporta kull xorta taʼ tbatija matul il-ministeru tiegħu. Madankollu, l-għawġ li ffaċċja swielu taʼ ġid! Hu kiteb: “Tgħallimt inkun kuntent b’dak li jkolli f’kull ċirkustanza li nsib ruħi fiha. . . . Tgħallimt is-sigriet taʼ kif inkun xebgħan u kif inkun bil-ġuħ, kif ikolli bl-abbundanza u kif inkun fil-bżonn.”—Filippin 4:11, 12.

X’tistaʼ tagħmel int. Billi tikkunsidra l-livell taʼ maturità taʼ wliedek, stinka biex issegwi l-prinċipju tal-Bibbja: “Kull wieħed għandu t-tagħbija tiegħu x’jerfaʼ.” (Galatin 6:5, Għaqda Biblika Maltija) Jekk ibnek jaqlaʼ xi ċitazzjoni, forsi jkun aħjar li tħallih iħallas il-multa mill-istipendju jew mill-paga tiegħu stess. Jekk bintek ma tgħaddix minn xi eżami, forsi dan iġibha f’sensiha ħalli darb’oħra tkun preparata aħjar. Jekk ibnek iġarrab tmiem taʼ relazzjoni romantika, farrġu—iżda meta jkun il-waqt għinu jirrifletti fuq mistoqsijiet bħal, ‘Meta nħares lura, din l-esperjenza wrietni kif nistaʼ nimmatura?’ Tfal li jipprovaw isolvu l-problemi tagħhom isiru iktar b’saħħithom u jkollhom fiduċja fihom infushom—kwalitajiet  li għandhom mnejn ikunu neqsin fihom li kieku xi ħadd kien dejjem “isalvahom.”

“Kull wieħed ħa jagħti prova taʼ x’inhu għemilu, u mbagħad ikollu għalxiex jifraħ.”—Galatin 6:4

3 L-Għoti Żejjed t’Affarijiet Materjali

Il-problema. Fi stħarriġ li sar fuq żgħażagħ adulti, 81 fil-mija qalu li l-iktar mira importanti tal-ġenerazzjoni tagħhom hi ‘li jistagħnew’—u qiesu dan bħala iktar importanti milli jgħinu lil ħaddieħor. Imma l-kuntentizza ma tiġix billi tistinka biex tikseb il-ġid materjali. Fil-fatt, ir-riċerka tindika li n-nies li jkun moħħhom fl-affarijiet materjali jkunu inqas ferħanin u iktar dipressi. Ikollhom ukoll rata ogħla taʼ problemi fiżiċi u mentali.

Il-kaġun. F’xi każijiet, it-tfal jitrabbew f’familji materjalistiċi. “Il-ġenituri jixtiequ jaraw lil uliedhom ferħanin, u t-tfal iridu l-affarijiet materjali,” jgħid il-ktieb The Narcissism Epidemic. “B’hekk, il-ġenituri jixtrulhom l-affarijiet. U t-tfal iħossuhom ferħanin, imma għal żmien qasir wisq. Imbagħad ikunu jridu saħansitra iktar affarijiet.”

M’għandniex xi ngħidu, l-industrija tal-irreklamar kienet pronta biex tipprofitta ruħha minn dawn il-konsumaturi għatxana għall-affarijiet materjali. Din tippromwovi ideat bħal ‘Int jixraqlek l-aħjar’ u ‘Għax int jistħoqqlok.’ Ħafna żgħażagħ adulti belgħu l-lixka u issa għandhom id-dejn u ma jistgħux iħallsu għall-affarijiet li “jistħoqqilhom.”

Dak li tgħid il-Bibbja. Il-Bibbja tirrikonoxxi li l-flus huma bżonjużi. (Ekkleżjasti 7:12) Fl-istess ħin, din twissina li “l-imħabba għall-flus hi l-għerq taʼ kull tip taʼ ħsara.” Tkompli tgħid: “Billi rawmu din l-imħabba, xi wħud . . . ferew lilhom infushom b’ħafna weġgħat.” (1 Timotju 6:10) Il-Bibbja ma tħeġġiġniex biex niġru wara r-rikkezzi materjali, iżda biex inkunu kuntenti bil-bżonnijiet bażiċi tal-ħajja.—1 Timotju 6:7, 8.

“Dawk li huma determinati li jsiru għonja jaqgħu f’tentazzjoni u f’nassa u f’ħafna xewqat bla sens li jwasslu għall-ħsara.”—1 Timotju 6:9

X’tistaʼ tagħmel int. Bħala ġenitur, eżamina l-attitudni tiegħek lejn il-flus u lejn l-affarijiet li tistaʼ tixtri bihom. Żomm il-prijoritajiet ċari f’moħħok u għin lil uliedek jagħmlu l-istess. The Narcissism Epidemic, li ġie kwotat qabel, jgħid: “Il-ġenituri u t-tfal jistgħu jibdew diskussjonijiet fuq suġġetti bħal ‘Meta jkun għaqli li tixtri l-affarijiet bis-sale? Meta ma jkunx għaqli?’ ‘Rata tal-imgħax x’inhi?’ ‘Meta xtrajt xi ħaġa għax xi ħadd ieħor kien tal-fehma li għandek tixtriha?’”

Oqgħod attent li ma tużax l-affarijiet materjali bħala mezz biex tgħatti l-kwistjonijiet tal-familja li jkunu jridu jiġu indirizzati. “Li tgħatti l-problemi bl-affarijiet materjali hi soluzzjoni li qatt ma tirnexxi,” jgħid il-ktieb The Price of Privilege. “Il-problemi jridu jiġu solvuti bil-ħsieb, bid-dehen, u bl-empatija, u mhux biż-żraben u l-basktijiet.”

^ Par. 11 Il-Bibbja ma tappoġġax l-abbuż fiżiku jew emozzjonali tat-tfal. (Efesin 4:29, 31; 6:4) L-għan tal-korrezzjoni hu li tgħallem, u mhux li tkun mezz kif ġenitur jisfoga r-rabja tiegħu.