Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | IL-ĠENITURI

Kif Tikkomunika mal-Adoloxxent Tiegħek

Kif Tikkomunika mal-Adoloxxent Tiegħek

L-ISFIDA

Meta kien tifel, kien jgħidlek kollox. Issa li sar żagħżugħ, ma jgħidlek xejn. Meta tipprova titkellem miegħu, jew bilkemm iwieġbek jew jaqbad argument jaħraq.

Tistaʼ titgħallem kif titkellem mal-adoloxxent tiegħek. Imma, l-ewwel ikkunsidra żewġ fatturi li jistgħu jagħmluha iktar taʼ sfida. *

GĦALA TITNAQQAS IL-KOMUNIKAZZJONI

Ix-xewqa għall-indipendenza. Sabiex isir adult responsabbli, l-adoloxxent tiegħek irid jieħu kontroll taʼ ħajtu. Qisu passiġġier f’karozza li issa jrid isir is-sewwieq u jitgħallem kif jinnaviga t-toroq perikolużi tal-ħajja. Ovvjament, xi żgħażagħ iridu iktar libertà milli jmissu jkollhom; mill-banda l-oħra, xi ġenituri jagħtu inqas libertà milli jmisshom jagħtu. Il-battalja li tistaʼ tirriżulta minħabba dan tistaʼ toħloq ħafna inkwiet kemm għall-ġenituri kif ukoll għaż-żgħażagħ. Brad, * li għandu 16-il sena, jilmenta: “Il-ġenituri tiegħi jipprovaw jikkontrollaw kull aspett taʼ ħajti. Jekk ma jagħtunix iktar libertà sakemm nagħlaq 18-il sena, nitlaq mid-dar!”

L-abbiltà li jirraġunaw. It-tfal żgħar normalment jaħsbu b’termini attwali, iswed u abjad, tajjeb jew ħażin, imma ħafna żgħażagħ jagħrfu li mhux dejjem ikun daqshekk faċli u ġieli jkun hemm iktar involut. Dan hu aspett importanti fir-raġunar, u jgħin liż-żgħażagħ jiżviluppaw raġunar f’loku. Ikkunsidra eżempju: Għal tifel, l-idea taʼ x’inhu ġust tidher sempliċi: ‘Ommi qasmet gallettina min-nofs u tat nofsha lili u nofsha lil ħija.’ F’dan il-każ, dak li hu ġust jidher li mhu xejn ħlief formula tal-matematika. Iżda, iż-żgħażagħ jirrealizzaw li l-idea taʼ x’inhu ġust mhix daqshekk faċli. Wara kollox, trattament ġust mhuwiex dejjem ugwali, u trattament ugwali mhuwiex dejjem ġust. L-abbiltà li jirraġuna fuq kwistjoni se tgħin lill-adoloxxent tiegħek jissielet biex jifhem kwistjonijiet komplikati. X’inhu l-iżvantaġġ? Tistaʼ wkoll iġġiegħlu jissielet miegħek.

 X’TISTAʼ TAGĦMEL

Meta jkun possibbli, tkellmu b’mod każwali. Ħu vantaġġ minn mumenti informali. Pereżempju, xi ġenituri sabu li ż-żgħażagħ ikunu iktar lesti li jiftħu qalbhom huma u jagħmlu xi faċendi jew waqt li jkunu fil-karozza, jiġifieri, meta jkunu ħdejn il-ġenituri tagħhom minflok ma jkunu wiċċ imb wiċċ magħhom.—Prinċipju mill-Bibbja: Dewteronomju 6:6, 7.

Iddumx tparla. M’għandekx għalfejn tibqaʼ tħaqqaqha sal-aħħar. Minflok, għid li għandek tgħid . . . u mbagħad ieqaf. L-adoloxxent tiegħek se jaħseb dwar dak li tkun għedt u jifhmu iktar tard, anke jekk ikun deher li ma kienx qed jagħti kas. Agħtih ċans biex jagħmel dan.—Prinċipju mill-Bibbja: Proverbji 1:1-4.

Agħti widen—u kun flessibbli. Agħti widen bir-reqqa—mingħajr ma taqbiżlu fin-nofs—ħalli tifhem bis-sħiħ x’inhi l-problema. Meta twieġeb, kun raġunevoli. Jekk b’mod riġidu żżomm mar-regoli, ibnek se jkun imħajjar jipprova jsib modi kif ma jobdikx mingħajr ma jiġi kastigat. “Dan jiġri meta t-tfal jgħixu ħajja doppja,” iwissi ktieb għall-ġenituri (Staying Connected to Your Teenager). “Minn banda jibdew jgħarrxu widnejn il-ġenituri b’dak li jridu jisimgħu, u mill-banda l-oħra jagħmlu li jridu meta ma jkunux qed jarawhom.”—Prinċipju mill-Bibbja: Filippin 4:5.

Ibqaʼ kalm. “Meta ma naqblux fuq xi ħaġa, ommi dejjem tieħu għaliha b’kulma ngħid,” tgħid żagħżugħa jisimha Kari. “Dan inikkitni u l-konversazzjoni malajr tinbidel f’argument.” Minflok ma tagħmilhom bi kbar, għid xi ħaġa li turi li tifhem is-sentimenti taʼ ibnek. Pereżempju, minflok ma tgħid, “Għal daqshekk qed tinkwieta!” għid, “Nistaʼ nara kemm qed tkiddek dil-ħaġa.”—Prinċipju mill-Bibbja: Proverbji 10:19.

Sakemm ikun possibbli, iggwida, mhux tiddetta. L-abbiltà taʼ ibnek biex jirraġuna hi bħal muskolu li jrid jiġi żviluppat. Għalhekk, meta jiffaċċja dilemma, minflok ma tasal għall-konklużjoni għalih, ħallih jasal waħdu għall-konklużjoni t-tajba. Int u tiddiskuti l-kwistjoni miegħu, agħtih ċans joħroġ b’xi soluzzjonijiet waħdu. Imbagħad, wara li tkunu ddiskutejtu ftit għażliet, tistaʼ tgħid: “Dawn huma ftit possibbiltajiet. Aħseb dwarhom għal ġurnata jew tnejn, u mbagħad nistgħu niltaqgħu biex nitkellmu dwar liema soluzzjoni tippreferi u għala.”—Prinċipju mill-Bibbja: Ebrej 5:14.

^ Par. 5 L-ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.

^ Par. 7 Għalkemm f’dan l-artiklu nirreferu għall-adoloxxent fil-maskil, il-prinċipji li jiġu diskussi jgħoddu għat-tfajliet ukoll.